Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jsellem il-memorja ta’ Oliver Friggieri

Il-Partit Nazzjonalista jsellem il-memorja tal-Professur Oliver Friggieri, li kien ġgant tal-letteratura Maltija.

Fi stqarrija il-Viċi Kap tal-PN għall-Affarijiet Parlamentari David Agius, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni u t-Tiġdid tad-Dinja tax-Xogħol u d-Djalogu Soċjali Parteċipattiv Clyde Puli u l-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, l-Kultura u l-Midja Therese Commodini Cachia saħqu li Oliver Friggieri jibqa’ mfakkar għall-kontribut kbir li hu ta fil-letteratura, fejn kien kittieb prolifiku, poeta u kritiku letterarju Malti magħruf madwar id-dinja. Huwa kien ukoll għalliem tal-Malti u tal-Filosofija u Lettur fl-Universita’ ta’ Malta. Hu laħaq Professur fl-1990. Fl-2013 kien inħatar Chairman tal-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali Maltin. Oliver Friggieri kien ruħ ta’ nazzjon.

Il-Professur Friggieri kien qrib ħafna tal-gazzetti tal-Partit Nazzjonalista u kien strumentali għat-twaqqif tal-gazzetti In-Nazzjon u Il-Mument, u kien kontributur kbir f’In-Nazzjon tant li mill-ewwel ħarġa fl-1 ta’ Lulju tal-1970 baqa’ jikkontribwixxi fiha għal kważi 50 sena.

Il-Partit Nazzjonalista jagħti l-kondoljanzi lill-familjari f’dan il-mument diffiċli.