Ftit tal-ħin ilu, permezz ta’ post fuq Facebook, ġiet imħabbra l-mewt tal-poeta u kittieb Oliver Friggieri.

Friggieri kellu 73 sena u kien kittieb prolifiku u kritiku letterarju Malti magħruf madwar id-dinja. Fl-1999 hu ingħata Ġieħ ir-Repubblika bħala rikonoxximent għax-xogħolijiet tiegħu.
Oliver Friggieri kien qrib ħafna tal-gazzetti tal-Partit Nazzjonalista, u kien strumentali għat-twaqqif kemm ta’ In-Nazzjon u kemm ta’ Il-Mument.
Hu kien kontributur ta’ In-Nazzjon mill-ewwel ħarġa tagħha fl-1 ta’ Lulju tal-1970 u baqa’ jikkontribwixxi fiha għal kważi 50 sena sħaħ.
Diversi kotba ta’ Friggieri ġew maqluba għal ħafna lingwi fosthom l-Ingliż, it-Taljan, il-Maċedonu, is-Sloven, is-Serbo-Kroat, il-Grieg, ir-Romen, l-Għarbi, il-Bengali, l-Urdu u r-Russu.
Fost il-kotba magħrufa ta’ Friggieri hemm ‘It-tfal jiġu bil-vapuri’ u ‘Fil-Parlament ma jikbrux fjuri’.
Apparti kittieb u poeta, Friggieri kien ukoll għalliem tal-Malti u tal-Filosofija u kien lettur fl-Università ta’ Malta. Hu laħaq Professur fl-1990.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kien fost dawk li sellem lil Friggieri ftit wara li ħarġet l-aħbar.
