Lokali

Jibda restawr fuq Kappella fiż-Żejtun

Il-Kappella ta’ Santa Marija tal-Ħlas, fiż-Żejtun, bdiet tgawdi minn fondi Ewropej b’xogħlijiet ta’ restawr li kienu mnedija s-Sibt filgħodu.

Sentejn ilu, żewġ Periti ġibdu l-attenzjoni tal-Arċipriet Dun Nicholas Pace li din il-Kappella storika ma tistax tibqa’ tinfetaħ minħabba li s-saqaf tagħha għandu bżonn xogħol infrastrutturali qawwi.

Għaldaqstant, hu ra li jfittex jibda l-proċess ħalli mill-aktar fis ikun jista’ jibda x-xogħol meħtieġ fuq din il-Kappella, tant għall-qalb iż-żwieten.

Qabel din il-Knisja kien hemm knisja oħra ddedikata lil Sidtna Marija, li kienet twaqqgħet fl-1618. Il-bini tal-Knisja preżenti ħabat eżattament mat-tqegħid tal-ewwel ġebla tal-Knisja Parrokkjali l-ġdida taż-Żejtun, li ġiet impoġġija fil-25 Novembru tal-1692.

Din il-kappella hi arkitettonikament modesta ħafna u mibnija fuq stil vernakulari. Madankollu, tinsab iżżejjen dan l-ispazju urban. Fuq il-ġenb tal-Knisja hemm arloġġ tax-xemx. Fis-seklu 17, din il-Knisja kienet intużat bħala post biex jidfnu t-trabi.

Fil-preżenza tas-Segretarju Amministrattiv tal-Kurja tal-Arċisqof, Michael Pace Ross, Dun Nicholas spjega lill-ġurnalisti li x-xogħol kollu se jkun qed jiswa 130,000 ewro. Kompla li jinsab kuntent li dan se jkun jista’ jsir grazzi għall-fondi Ewropej.

Preżenti għat-tnedija kien hemm ukoll is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi u Kunsillieri Lokali taż-Żejtun.