Lokali

KONFERMA: Reshuffle sħiħ fil-Kabinett; Justyne Caruana kkonfermata Ministru mill-ġdid u Parnis jinżel lura fil-Backbench

Owen Bonnici u Julia Farrugia Portelli jitilfu l-Edukazzjoni u t-Turiżmu

L-Uffiċju tal-Prim Ministru kkonferma dak li żvela aktar kmieni Net News, li Justyne Caruana reġgħet sabet postha fil-Kabinett wara pressjoni kbira li poġġiet fuq Robert Abela. Caruana ħadet il-Portafoll tal-Edukazzjoni minn idejn Owen Bonnici.

Caruana kienet ġiet imgegħla twarrab minn Ministru wara li kienet żvelata rabta intima bejn l-eks raġel tagħha, l-eks Assistent Kummissarju Silvio Valletta u Yorgen Fenech.

Konferma wkoll li Julia Farrugia ġiet imneżża mill-portafoll tat-Turiżmu. Dan mar għand Clayton Bartolo biex issa Farrugia ingħatat il-Ministeru għall-Inklużjoni.

Intant Silvio Parnis reġa sab ruħu lura fil-Backbench. Dan wara pressjoni mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech għar-riżenja tal-istess Parnis wara l-mod li bih mexxa l-qasam tiegħu waqt il-pandemija. Is-Segretarjat għall-Anzjani u Anzjanità Attiva issa ġie elevat għal Ministeru u ħadu f’idejh Michael Farrugia.

L-Enerġija li kienet taħt Farrugia marret f’idejn l-eks MEP Miriam Dalli li sabet f’ħoġorha wkoll l-Intrapriża li għal xi raġuni ttieħdet minn idejn Silvio Schembri.

Intant l-eks Chief of Staff ta’ Robert Abela kien ikkonfermat ukoll bħala l-Ministru għall-Finanzi. Hu għandu f’idejh ukoll ix-xogħol, li sal-lum kien f’idejn Owen Bonnici.

Ir-rwol ta’ Chief of Staff ta’ Robert Abela issa mar għand Glenn Micallef.