Lokali Temp

Ottubru: Xahar ġeneralment xemxi iżda bi tnaqqis marġinali fit-temperatura medja

Għalkemm kien ġeneralment xemxi, ix-xahar ta’ Ottubru ra tnaqqis marġinali fit-temperatura medja meta wieħed iqabbilha man-norma tax-xahar.

Fil-fatt, skont statistika ppubblikata mill-Uffiċċju Meteoroloġiku fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, it-temperatura medja għal Ottubru kienet 0.7 gradi Celsius aktar baxxa min-norma klimatika ta’ 21.5 grad. Matul ix-xahar, it-temperatura varjat bejn minimu ta’ 13.1 gradi Celsius u massimu ta’ 30.4 gradi. Din l-ogħla temperatura kienet irreġistrata fit-3 tax-xahar.

Min-naħa l-oħra, it-temperatura medja tal-baħar kienet 1.1 grad Celsius ogħla min-norma ta’ 23.5 gradi Celsius.

Matul Ottubru, kienu mkejla ftit aktar minn 226 siegħa xemxin. Dan ifisser medja ta’ 7.3 sigħat ta’ xemx, b’10.5 sigħat imkejla għamlu l-21 tax-xahar l-aktar jum imdawwal. L-aktar jum mudlam kien imkejjel it-12 tax-xahar b’0.2 sigħat biss xemxin.

It-12 kien ukoll l-aktar jum imxarrab ta’ Ottubru, bi 11mm ta’ xita, kif ukoll waħda minn erbat ijiem tax-xahar li kienu bir-ragħad. Ix-xahar li għadda ra total ta’ 24.8mm ta’ xita, li hu ħafna anqas mill-75.6mm mistennijin f’dan iż-żmien tas-sena.

Matul Ottubru, il-veloċità medja tar-riħ kienet ta’ 8.7 knots, b’buffura massima ta’ 34 knot kienet imkejla fit-13 tax-xahar.