Lokali

Reshuffle li jagħti ċertifikat ta’ falliment għall-‘Akbar Kabinett’ ta’ Abela

Ritratt: Matthew Tabone

Il-Prim Ministru Robert Abela ta ċertifikat ta’ falliment lilu nnifsu … 10 xhur wara li l-istess Abela ħatar l-akbar Kabinett fid-daqs. Dan hekk kif, wara biss 10 xhur, Abela qed iħejji l-aħħar manuvri għal reshuffle fil-Kabinett, li ma tantx jawguraw tajjeb, b’ħafna qed jiddeskrivuhom bħala ‘musical chairs’.

Waranofsinhar, il-Prim Ministru beda sensiela ta’ laqgħat mal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari fl-uffiċċju tiegħu f’Kastilja. Jidher li Abela ma baqgħalux għażla oħra ħlief li jneżża’ lil uħud mill-Ministri preżenti mid-dekasteri tagħhom minħabba li l-wirja tagħhom fl-aħħar xhur xehdet l-inkompetenza tagħhom fil-qasam li ngħataw.

Fil-fatt, minn informazzjoni li kiseb NET News jirriżulta li fost l-ewwel li tneżżgħu mill-Ministeri tagħhom hemm Owen Bonnici u Julia Farrugia, li 10 xhur ilu ħadu l-ġurament bħala Ministri tal-Edukazzjoni u tat-Turiżmu rispettivament.

Post Bonnici mistennija tieħdu l-eks Ministru għal Għawdex Justyne Caruana, li skont l-istess sorsi kienet qed tagħmel pressjoni kbira fuq Robert Abela biex terġa’ tingħata Ministeru.

Caruana kienet ġiet imġegħla twarrab wara li kien ġie żvelat li żewġha Silvio Valletta kien biċċa waħda ma’ Yorgen Fenech, tant li ulied Fenech kienu jsejħu lil Valletta ‘Uncle Silvio’. Bħalissa, Fenech qed jiffaċċja akkużi ta’ kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Min-naħa l-oħra, il-Ministeru li sal-lum kien f’idejn Julia Farrugia issa mistenni jgħaddi f’idejn Clayton Bartolo, li magħruf sew li għen lil Abela fil-ġlieda għal-Leadership tal-Labour.

Kemm Owen Bonnici kif ukoll Julia Farrugia kienu fil-mira ta’ kritika qawwija għall-mod kif mexxew l-oqsma tagħhom fix-xhur tal-pandemija, b’Bonnici jitqies bħala li ma ħejjiex sew għall-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel u b’Farrugia taqla’ baraxx ta’ kritika dwar is-suppost ‘mechanisms’ li ħejjiet għas-Sajf li għadda.

Issa jidher li Owen Bonnici se jinħoloqlu Ministeru ġdid u se jkun responsabbli mir-Riċerka u l-Innovazzjoni, filwaqt li s-Segretarjat għad-Diżabbiltà u l-Inklużjoni se jkun promoss għal Ministeru u se jingħata lil Julia Farrugia.

Silvio Parnis jidher li se jitniżżel lura għal backbencher, hekk kif Michael Farrugia se jkun qed jieħodlu postu. Parnis kien fl-aħbarijiet ta’ spiss fl-aħħar xhur, l-aktar meta eskalat is-sitwazzjoni tal-pandemija fid-djar tal-anzjani, u hu kien bagħatilhom rolypoly.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ilu jappella lill-Prim Ministru biex jieħu azzjoni u jġiegħelu jerfa’ r-responsabbiltà politika għall-mewt ta’ daqstant anzjani fir-residenzi għall-anzjani.

Michael Farrugia se jkollu jerħi minn idejh l-Enerġija, li issa se tingħata lil-eks MEP Laburista Miriam Dalli, se tkun responsabbli wkoll mill-miri għall-iżvilupp sostenibbli. Għal xi raġuni mhux ċara, Silvio Schembri tneħħietlu minn taħtu l-Malta Enterprise, li issa wkoll ġiet f’ħoġor Miriam Dalli.

U s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kostruzzjoni Chris Agius se jimxi minn taħt il-Ministeru ta’ Ian Borg għal dak ta’ Aaron Farrugia.

Sadanittant, kollox jinsab lest biex l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Clyde Caruana wkoll isib postu fil-Kabinett. Dan hekk kif issa sar magħruf li Edward Scicluna se jinħatar Gvernatur tal-Bank Ċentrali wara li dam jirreżisti milli jirriżenja minn Ministru tal-Finanzi.

NET News jinsab infurmat li l-laqgħat biex Abela jiffinalizza l-manuvri tiegħu baqgħu għaddejjin sa tard u mhux eskluż li fis-sigħat li ġejjin inkomplu nisimgħu b’aktar ċaqlieq fost dawk li jmexxu l-Eżekuttiv tal-pajjiż.