Lokali

Robert Abela se jerġa’ jdaħħal lil Justyne Caruana fil-Kabinett minflok Owen Bonnici

Wara l-kriżi fil-qasam tal-Edukazzjoni, Robert Abela se jneżża lil Owen Bonnici mid-dekasteru li kien ħa f’idejh biss għaxar xhur ilu, u issa se jgħaddih f’idejn l-eks Ministru Justyne Caruana. Dan skont rapport li deher fuq il-portal tal-Illum.

Minn naħa tagħha Caruana kienet sfurzata twarrab wara li kien żvelat li żewġha Silvio Valletta kien biċċa waħda ma’ Yorgen Fenech… tant li ulied Fenech kienu jsejħu lil Valletta ‘Uncle Silvio’.

Fenech qed jiffaċċja akkużi li huwa wieħed mill-mandanti tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Din il-bidla mistennija tkun waħda minn serje ta’ bidliet li se jkunu mħabbra b’mod imminenti mill-Prim Ministru Robert Abela, bil-Ministeru tal-Finanzi x’aktar jiġi f’idejn l-eks Chief of Staff ta’ Abela, Clyde Caruana u dak tat-Turiżmu jkun ukoll fost dawk li mistennija jibdlu l-idejn.

Mhux magħruf eżatt xi rwol se jkollha Miriam Dalli f’dan kollu, madankollu hu mistenni li l-eks MEP Laburista tingħata portafoll importanti.