Lokali

Tħassib dwar l-ammont ta’ ‘persons of trust’

Il-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler esprima t-tħassib tiegħu għall-ammont ta’ ħaddiema f’Ministeri u f’Dipartimenti tal-Gvern li jiddaħħlu jaħdmu f’positions of trust.

Waqt intervent fi programm fuq ir-Radju 103, Hyzler qal li għandu riżervi kbar dwar dan, partikolarment għaliex huma daqshekk u kullimkien.

Il-Kummissarju għall-Istandards spjega li, filwaqt li jifhem li persuni ta’ fiduċja jiddaħħlu fil-Ministeri, ma jarax aċċettabbli li dawn jiddaħħlu b’ammonti kbar fid-Dipartimenti wkoll.

Hu qal li ladarba qegħdin hemm, jippretendi li l-Ministri u s-Segretarji Parlamentari rispettivi jġorru r-responsabbiltà ta’ għemilhom.

George Hyzler kien qed jikkummenta fid-dawl tal-ħidma li wettaq il-Kumitat immexxi minnu u li jwieġeb lill-Parlament.

Qal li dan il-Kumitat hu meħtieġ għax jara li jkun hawn il-mekkaniżmu meħtieġ għal aktar etika fil-ħajja pubblika.