Tottenham Hotspur qabżu fil-quċċata tal-Premier Ingliż b’rebħa tajba, 2-0, fuq Manchester City f’The New White Hart Lane Stadium. Din ir-rebħa kompliet is-sekwenza ta’ riżultati pożittivi fil-kampjonat għat-tim immexxi minn Jose Mourinho – bi Spurs jidhru li qed jistabbilixxu ruħhom minn kmieni bħala sfidanti għat-titlu…Unur li ilu ma jintrebaħ mit-tim ta’ Londra mill-1961.
Intant, Tottenham ma setgħux kellhom bidu aħjar għal-logħba meta, wara biss ħames minuti, SON HEUNG-MIN irċieva mingħand Ndombele biex sab ix-xibka b’xutt fil-baxx.
Man City wettqu reazzjoni immedjata, bi Spurs jadottaw sistema prudenti biex jiddefendu l-vantaġġ minimu sal-mistrieħ. Fl-ewwel taqsima is-Citizens anki kellhom ‘gowl’ ta’ Aymeric Laporte imħassar mill-VAR wara l-konferma li d-difensur kien uża jdejh biex jikkontrolla l-ballun waqt l-azzjoni.
Intant, Spurs baqgħu perikolużi fil-kontra-attakki u fit-tieni taqsima, is-sostitut GIOVANNI LO CELSO (65) irdoppja fuq is-suġġeriment ta’ Harry Kane. Dan wara li l-midfielder Arġentin kien ilu jilgħab biss għal 35 sekonda – bir-riżultat jibqa’ l-istess sat-tisfira finali.
Chelsea kisbu rebħa meritata, 2-0, f’St James Park, kontra Newcastle United u li hi anki l-ħames rebħa konsekuttiva għall-Blues fil-kompetizzjonijiet kollha.
It-tim ta’ Frank Lampard kien superjuri għall-Geordies f’kull dipartiment waqt li Newcastle ħassew bil-kbir in-nuqqas ta’ Callum Wilson fl-attakk meta issa ilhom ma jsibu x-xibka fil-kampjonat għal dawn l-aħħar żewġ logħbiet.
Chelsea damu għaxar minuti biss biex imorru fil-vantaġġ permezz ta’ awtogol tad-difensur Arġentin, Federico FERNANDEZ, waqt li kien issikkat minn Ben Chilwell.
Intant, il-gowlkiper ta’ Newcastle, Darlow, kellu jwettaq numru ta’ saves impressjonanti biex jiċħad lil Timo Werner u Tammy Abraham – iżda fit-tieni taqsima ABRAHAM (65) għalaq kull diskors bit-tieni gowl għall-Blues wara li ġera għall-pass perfett ta’ Werner. L-aktar azzjoni perikoluża għal Newcastle waslet minn Sean Longstaff li x-xutt tiegħu mill-bogħod stampa mal-mimduda, bil-gowlkiper ta’ Chelsea, Mendy, megħlub għal kollox.
Brighton and Hove Albion irnexxielhom jegħlbu lil Aston Villa, 2-1, f’Villa Park għall-ewwel darba fl-istorja tal-klabb – b’Solly March ikun l-eroj ta’ sħabu bit-tieni gowl ‘storiku’ għas-Seagulls li ddeċieda konfront mill-aktar kumbattut.
Kienu Brighton li marru fil-vantaġġ fit-tnax-il minuta meta Danny WELBECK ma żbaljax minn quddiem Martinez wara azzjoni personali. Intant, Villa kisbu parità fil-bidu tat-tieni taqsima meta d-difensur Ezri KONSA (47) seraq ballun fil-kaxxa u għeleb lil Matt Ryan b’daqsxejn ta’ diffikultà.
Intant, il-gowl deċiżiv kellu jkun ta’ MARCH li għaxar minuti wara venven ġmiel ta’ xutt bid-dawwra li ma ta l-ebda ċans lil Martinez. Fl-aħħar ħinijiet tal-logħba tkeċċa l-plejer ta’ Brighton Tariq Lamptey li ntwera tieni karta safra – bir-referi Michael Oliver, fil-ħin miżjud, jirtira d-deċiżjoni oriġinali tiegħu biex jagħti penalty lil Villa, wara konsultazzjoni mal-VAR.
//= $special ?>