Futbol Sport

Vittoriosa jirkupraw u jirbħu meritatament

Chris Cassar

FGURA U. ……………………… 1

VITTORIOSA S. ……………… 3

Fgura U: B. Bartolo, J. Stenson, J.P. Attard, G. Martin, S. Nanapere, J. Vella, J. Cassar, S. Borg, R. Zammit, N. Ojuola, G. Galea

Vittoriosa S: R. Marmara, C. Spiteri, I. Curmi, G. Sultana, J. Farrugia, D. Sowatey, A. Galea, R. Previ, A. Oularbi, R. Sgaria Farias, D. Borg Castaldi

Referee: Slawomir Olucha

Vittoriosa għamlu pass ieħor ‘l quddiem fil-klassifika meta b’rimonta tajba għelbu lil Fgura 3-1, fejn għal Fgura din kienet it-tielet telfa konsekuttiva. Fgura kellhom bidu tajjeb u kienu l-aħjar tim fl-ewwel nofs siegħa, iżda Vittoriosa daħlu sew fil-logħba u speċjalment fit-tieni taqsima ddominaw għal kollox il-logħba.

Fgura fetħu l-iskor fl-ewwel azzjoni denja fit-12-il minuta. Azzjoni mill-isbaħ mibdija minn Nanapere li kompla lejn Galea fejn żmarka lil Gilbert Martin u wara ġirja tajba xeħet għan-nofs lejn NANAPERE li segwa l-azzjoni u mill-viċin spara fix-xibka.

L-ewwel reazzjoni ta’ Vittoriosa waslet f’nofs it-taqsima b’daqqa ta’ ras ta’ Oularbi u xutt mill-viċin ta’ Sgaria Farias, iżda Bartolo dejjem kien attent u salva. Fil-35 minuta azzjoni veloċi ta’ Fgura u xutt ta’ Gilbert Martin salvat b’diffikulta minn Marmara.

Fit-38 minuta, Vittoriosa kisbu d-dro permezz ta’ BIGODE RENAN FARIA.

Fis-56 minuta Vittoriosa marru fil-vantaġġ b’gowl sabiħ ta’ GIANLUCA SULTANA li b’xutt sabiħ minn tarf il-kaxxa sab ir-rokna tax-xibka. Ir-reazzjoni ta’ Fgura kienet xi ftit konfuża, b’xutt tas-sostitut Grech ferm għoli.

Vittoriosa komplew jiddominaw u għalqu l-logħba fil-71 minuta meta minn kross mil-lemin ta’ Ryan Previ, kien NOAH OJUOLA li f’attentat li jikklerja xellef fix-xibka tiegħu stess.