Lokali

“Anzjani imsakkrin qishom f’ħabs” – qraba tal-anzjani

Ħabs.

Iżolament.

Imċaħda mill-qraba.

Hi din is-sitwazzjoni ta’ disprament li anzjani fi djar tal-anzjani qed jesperjenzaw 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa hekk kif pajjiżna qed jerġa’ jara żieda ta’ każijiet pożittivi ta’ Covid-19 fid-djar tal-anzjani.

Dan intqal mill-gazzetta Illum fejn għadd ta’ persuni esprimew dak li anzjani ilhom għaddejjin minnu għal ġimgħat u xhur sħaħ, b’mod speċjali dawk li jinsabu fid-djar tal-anzjani tal-Gvern. Huma saħqu illi jifhmu li dan qed isir biex jipproteġu lill-anzjani …iżda dan m’għandux isir billi jissakkru bħallikieku jinsabu f’ħabs bejn erba’ ħitan ‘il bogħod minn anzjani oħra fl-istess residenzi.

L-anzjani jistgħu biss jaraw lill-qraba tagħhom meta dawn tal-aħħar jagħmlu appuntament minn żmien qabel u jkunu jistgħu jarawhom biss għal ftit minuti.

Fl-aħħar ġimgħat, l-awtoritajiet tas-saħħa ħadu d-deċiżjoni li residenti fid-djar tal-anzjani li jinstabu pożittivi għall-COVID-19 u ma jkunx hemm spazju biżżejjed għal iżolament jittieħdu fil-Faċilità Good Samaritan. Bħalissa f’din il-Faċilità hemm madwar 77 pazjent, bil-Professur Gauci tikkummenta iktar dwar dan fl-aħħar bulettin dwar il-Covid.

Uħud mid-djar tal-anzjani xorta waħda qed jaraw żieda ta’ każijiet pożittivi kull ġimgħa, bis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci nhar il-Ġimgħa qalet li għad hemm ħames djar tal-anzjani li qed jirreġistraw kazi ta’ anzjani pożittivi …filwaqt li hemm mal-kważi 200 anzjan pożittiv għall-COVID.