Lokali

Attività politka fid-Dar Ċentrali tal-PN bit-tema “Nissaħħu Flimkien”

Waqt l-attività politka li saret il-Ħadd fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, għamlu d-diskors tagħhom żewġ kandidati għall-Elezzjoni Ġenerali li jmiss.

L-avukat Darren Carabott, żagħżugħ ta’ 26 sena u kandidat ġdid fuq l-Ewwel Distrett stqarr għalfejn għażel li jidħol fil-politka biex jagħmel differenza fil-ħajjiet tan-nies. Darren Carabott beda jinvolvi ruħu fil-PN sa min età żgħira bl-ewwel involviment tiegħu ikun 10 snin ilu meta kellu 16- il sena. Hu saħaq li kull persuna hi importanti, għandha rwol u kull persuna għandha valur. Hu temm jgħid li minn issa l-PN irid jitkellem dwar il-proposti tiegħu biex fuq kollox nissalvagwardjaw dak li hu tal-Maltin u dak li jagħmilna Maltin.

Indirizzat din l-attività wkoll il-Perit Graziella Galea li min-naħa tagħha tkellmet dwar l-importanza tal-lealtà. Graziella Galea tkellmet dwar is-sitwazzjoni tal-COVID-19 f’pajjiżna fejn fakkret kemm hawn ulied li jixtiequ li jħaddnu lill-genituri tagħhom. Dan filwaqt li għad ta’ persuni tilfu membri tal-familja tagħhom fi żmien fejn dawn il-persuni qattgħu l-aħħar ħinijiet ta’ ħajjithom waħedhom. Il-kandidata tal-PN temmet tgħid li għażlet lill-PN għax verament temmen li dan hu l-partit li jpoġġi l-bniedem fiċ-ċentru.