Internazzjonali

Belarus: Arresti f’Minsk waqt l-aħħar protesti kontra l-Gvern

Il-Pulizija fil-kapitali Minsk, fl-aħħar sigħat, arrestaw għexieren ta’ nies waqt l-aħħar spinta ta’ inċidenti relatati mal-aħħar xhur ta’ protesti kontra l-Gvern tal-President tal-Belarus, Alexander Lukashenko.

Il-protesti kontra l-Gvern ilhom għaddejjin mis-sajf u wara li l-poplu ma aċċettax ir-riżultat tal-elezzjoni ta’ Awwissu għall-Presidenza tal-Belarus. Din l-elezzjoni mill-ġdid tat rebħa lil Lukashenko – li ilu jmexxi pajjiżu mill-1994 – u meta sezzjonijiet sħaħ tal-poplu huma urtati dwar allegati frodi u manipulazzjoni fil-proċess elettorali li, skont huma, ippermettew is-suċċess tal-President.

Filwaqt li l-attivisti favur id-drittijiet umani rappurtaw dwar l-aħħar ‘aġir brutali’ tal-pulizija fuq id-dimostranti f’Minsk, il-media tal-Belarus qalet li ‘il-qawwiet tas-sigurtà użaw is-stun grenades biex iferrxu lill-folol wara li eluf ta’ nies ħarġu jipprotestaw fit-toroq tal-kapitali’.

Il-grupp Vesna-96 favur id-drittijiet umani qal li, fl-aħħar sigħat, talanqas 70 attivist kienu qed jinżammu taħt arrest. Dan fost sinjali li r-rabja tal-poplu għadu qed ‘ibaqbaq’u  fost akkużi li l-President Lukashenko wettaq ‘miżuri inaċċettabbli’ biex jestendi t-tmexxija tiegħu ta’ 26 sena. Intant, Lukashenko qed jiċħad dwar frodi elettorali u għamilha ċara li mhux se jirriżenja.

Ir-rallies fit-toroq għaddejjin minn ‘fażi ġdida’ wara l-mewt ta’ Roman Bondarenko, wieħed mid-dimostranti kontra l-Gvern, li tilef ħajtu l-isptar aktar kmieni dan ix-xahar. Id-dimostranti sħabu qalu li Bondarenko tilef ħajtu minħabba xeba kbira li kien qala’ mingħand il-qawwiet tas-sigurtà tal-Belarus.

Il-Ministeru tas-Sigurtà f’Minsk ċaħad responsabbiltà għall-mewt ta’ Bondarenko u qed jgħid li r-raġel miet mill-ġrieħi li ġarrab waqt ‘ġlieda li kellu ma’ grupp ta’ ċivili’.