Internazzjonali

Covid-19: Possibbiltà ta’ ‘tielet mewġa’ fl-Ewropa f’każ li l-Gvernijiet jirrepetu l-iżbalji tal-aħħar xhur

Uffiċjal ewlieni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qed ibassar ‘tielet mewġa ta’ infezzjonijiet’ bil-Covid-19 għall-Ewropa f’każ li l-Gvernijiet jirrepetu ‘il-fallimenti tal-aħħar xhur biex jevitaw it-tieni fażi tal-pandemija’.

David Nabarro, li hu r-rappreżentant speċjali tal-organizzazzjoni responsabbli mir-reazzjoni għall-coronavirus, irrefera għall-possibbiltà tat-tielet mewġa fl-ewwel xhur tas-sena d-dieħla. Hu qal ukoll li ‘il-Gvernijiet tal-Ewropa naqsu milli jibnu l-infrastruttura neċessarja ( li tilqa’ kontra l-infezzjonijiet) matul is-sajf u wara li huma rnexxielhom jikkontrollaw l-ewwel mewġa tal-Covid-19’.

Nabarro, li kien qed jitkellem waqt intervista mal-media tal-Iżvizzera, qed jgħid ċar u tond li ‘filwaqt li l-Ewropa għaddejja mit-tieni mewġa tal-coronavirus, it-tielet mewġa għandha tolqotna kmieni fl-2021 dment li ma niżviluppawx il-mezzi u l-infrastruttura preventivi li huma neċessarji fiċ-ċirkustanzi’.

Dan meta l-Ewropa qed tara mill-ġdid spinta fir-rati tal-infezzjonijiet bil-Covid-19 – bil-Ġermanja, Franza u l-Italja jirreġistraw aktar eluf ta’ każi fi tmiem il-ġimgħa. L-Iżvizzera u l-Awstrija qegħdin jirrappurtaw eluf ta’ każi kuljum waqt li t-Turkija, issa, ikkonfermat rekord ta’ 5,532 infezzjonijiet ġodda.

Intant, l-Istati Uniti għandha ‘il fuq minn 12-il-miljun każ ikkonfermat tal-Covid-19, meta sallum, fil-pajjiż, mietu ‘il fuq minn 255,000 mill-pandemija. L-istatistika tfisser li l-Istati Uniti għandha ‘bil-wisq’ l-ogħla ċifra ta’ mejtin bil-Covid-19 minn kull pajjiż fid-dinja. Iċ-ċifra tal-imwiet għal kuljum mill-coronavirus qabżu l-2,000, f’dan il-pajjiż, għall-ewwel darba minn Mejju.

Sadanittant, l-Istat ta’ Kalifornja beda jimplimenta curfew għal matul il-lejl, bħala tentattiv biex inaqqas l-ispinta fil-każi tal-Covid-19. L-aħħar ċifri tal-infezzjonijiet f’Kalifornja waslu f’livell aktar allarmanti mill-‘massimu tal-każi’ li kienu reġistrati f’Awwissu fl-istess Stat. L-aħħar rapporti qalu li numru ta’ Stati Amerikani, fosthom Texas, imponew id-direttivi aktar stretti għall-ilbies tal-maskri u restrizzjonijiet oħra bil-għan li l-virus ma jiċċirkolax aktar.

Intant, uffiċjali fl-Istati Uniti taw ‘l-awtorizzazzjoni ta’ emerġenza’ għal trattament sperimentali, ibbażat fuq l-antibodies fil-ġisem, li kien ingħata lill-President Amerikan, Donald Trump, wara li hu instab marid bil-coronavirus.

Il-mediċina, żviluppata minn Regeneron, se tkun permessa għall-użu fuq in-nies li jittestjaw pożittiv għall-virus u li qed jissugraw il-mard fatali. Skont l-istudji, it-terapija inkwistjoni hi effettiva ladarba tingħata lill-pazjent ‘mill-aktar fis u ladarba l-persuna tinstab li hi infettata bil-Covid-19’.