Lokali

€1.5 miljun f’salarji mill-MFSA – lil żewġ persuni – f’sitt snin biss

Wara li fil-Ħdud li għaddew żvelajna kif Joseph Cuschieri, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA), idaħħal għexieren ta’ eluf ta’ ewro mill-istess impjieg li għandu mal-MFSA, illum nistgħu niżvelaw kif dan id-dħul mhux biżżejjed!

Nistgħu niżvelaw li fil-kuntratt iffirmat bejn il-partijiet, Joseph Cuschieri hu ntitolat ukoll sa massimu ta’ għoxrin fil-mija fuq id-dħul tiegħu bħala performance bonus. Mhux biss. Imma anki għamel arranġamenti minn wara dahar kulħadd biex ikun jista’ jdaħħal mal-€15,000 oħra talli jattendi ċerti laqgħat f’isem l-MFSA. Il-membri tal-Bord tad-Diretturi tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji ma kellhom l-ebda għarfien dwar dan l-arranġament li sar minn Joseph Cuschieri minn wara daharhom.

Membri tal-Bord jintebħu b’arranġamenti li saru minn wara daharhom

Kien biss aktar kmieni din is-sena li membri fil-Bord tad-Diretturi tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji inċidentalment indunaw b’dan l-arranġament li kien għamel Joseph Cuschieri li jgawdi wieħed mill-ogħla pakkett finanzjarju fil-pajjiż.

Is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument, bil-patt tal-ħarsien tal-kunfidenzjalità, fissrulna li huma bħala membri tal-Bord tad-Diretturi jingħataw onorarja ta’ €15,000 fis-sena għal dawn il-laqgħat li jsiru. Minħabba li Joseph Cuschieri bħala Kap Eżekuttiv tal-istess Awtorità kien jattendi dawn il laqgħat, allura hu għamel arranġament biex bħall-kumplament tal-membri tal- Bord hu wkoll jingħata din l-onorarja ta’ €15,000 flimkien mad-
dħul l-ieħor kollu li jkollu.

Is-sorsi ta’ il-mument spjegawlna li hu fid-dmir ta’ Joseph Cuschieri bħala l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità li jatendi dawn il- laqgħat tal-Bord tad-Diretturi. Madankollu kollox jindika li Joseph Cuschieri kkunsidra dan bħala xogħol u impenn żejjed għalih u għalhekk ippremja lilu nnifsu bi ħlas ta’ €15,000 żejda kull sena… liema onorarja qatt ma kienet approvata mill-membri
tal-Bord tad-Diretturi.

Abbużi sfaċċati minn min ma baqax jagħmel kalkoli tajbin

Skont is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument, dan kollu hu abbużiv sfaċċat li għandu jitwaqqaf minnufih, filwaqt li jintraddu l-flus kollha li ttieħdu bla ebda ġustifikazzjoni ta’ xejn. Joseph Cuschieri, li attwalment jissokta jkun fiċ-ċentru ta’ skandlu hekk kif jirriżulta li f’Mejju tal-2018, mar Las Vegas fl-Istati Uniti ma’ Yorgen Fenech, l-imprenditur u n-negozjant wara l-kumpanija misterjuża 17Black, u flimkien ma’ Edwina Licari u Charlene Bianco, fil-jiem li għaddew issospenda lilu nnifsu mill-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-MFSA.

Skont is-sorsi ta’ il-mument l-uniku persuna li kien konxju mit-tbażwir ta’ Joseph Cuschieri kien il-Professur John Mamo, li hu ċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji. Fil-fatt meta kienet inqalgħet il-kwistjoni u l-Bord tad-Diretturi kien għamel xi mistoqsijiet b’mod formali, il-Professur John Mamo kien l-uniku persuna li kien iddefenda dak li kien għamel
l-istess Joseph Cuschieri.

Is-sorsi qalu lil il-mument li la darba ma kien hemm l-ebda awtorizzazzjoni mill-Bord tad-Diretturi lid-Dipartiment tal-Finanzi fi ħdan l-MFSA biex joħroġ din l-onorarja lil Joseph Cuschieri, allura din l-awtorizzazzjoni taha xi ħadd ieħor.

L-istess sorsi żiedu jgħidulna li l-Professur John Mamo jista’ jkun deskritt bħala persuna qrib ħafna ta’ Joseph Cuschieri u għalkemm jokkupa kariga mhux eżekuttiva, hu xorta jingħata mat-€30,000 fis-sena bħala onorarja.

Aktar dettalji xokkanti li jikxfu sensiela ta’ abbużi.

Sadattant aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed ifeġġu abbużi minn Joseph Cuschieri hekk kif qed joħorġu dettalji dwar kif b’inizjattiva tiegħu Edwina Licari, waħda mill-persuni li akkumpanjatu fis-safra f’Las Vegas, saħansitra ngħatat pakkett finanzjarju ta’ €100,000 meta ħatarha bħala Konslu Ġenerali fil-Kumitat Eżekuttiv tal-MFSA. Dan kollu f’Ottubru tal-2018 meta
hu sigriet magħruf li Edwina Licari għandha nuqqas ta’ arti u ħila fis-settur li fih ingħatat tali ħatra.

Għal-lum nieqfu hawn… imma fil-jiem li ġejjin niżvelaw aktar dettalji kkuluriti dwar dan il-kuntatt/fatti bejn Joseph Cuschieri u Edwina Licari.

Żviluppi ġodda minn wara dahar il-membri tal-Bord

Sadattant fi żvilupp ġdid irriżulta li l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji kienet qed tħallas eluf ta’ ewro b’mod regolari lil numru ta’ persuni direttament involuti fil-midja bl-iskop li dawn iwasslu rapporti u servizzi b’messaġġi pożittivi dwar l-istess Awtorità.

Saviour Balzan, wieħed mis-sidien ta’ Malta Today, tramite kumpanija oħra tiegħu, hu fost dawk li b’mod regolari kien qed idaħħal eluf ta’ ewro mill-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjari biex joffri servizzi ta’ marketing lill-istess Awtorità. Nifhmu li tali servizzi fil-preżent huma ffriżati u jinsabu taħt skrutinju mill-istess Awtorità.

Tul l-2019 Joseph Cuschieri, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, kien jiltaqa’ b’mod regolari ma’ Saviour Balzan biex flimkien fasslu strateġija ta’ marketing dwar ħidmet l-Awtorità. Fil-fatt l-Awtorità kkonkludiet ftehim ma’ Media Today u tat direct order għal marketing pożittiv fil-pubblikazzjonijiet Malta Today u Business Today.

Matul is-sena l-oħra u anki din is-sena l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, bl-approvazzjoni diretta ta’ Joseph Cuschieri, approvat u għaddiet eluf ta’ ewro lil waħda mill- kumpaniji ta’ Savour Balzan. Għal xi raġuni, anki obbligazzjonijiet legali, l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji qatt m’għamlet dan il-ftehim ta’ direct order pubbliku u kien biss fil-jiem li għaddew li l-operat ta’ Joseph Cuschieri f’dan ir-rigward tpoġġa taħt skrutinju għall-korrettezza tiegħu. Jidher li fuq livelli differenti matul l-aħħar xhur l-Awtorità Maltija għas-Servizi Finanzjarji kkonkludiet ftehim għal pubblikazzjoni ta’ materjal pożittiv dwar l-Awtorità ma’
entitajiet oħrajn fil-kamp tal-midja, fosthom ma’ Allied Newspapers Limited li tippubblika l-ġurnal The Times, u ma’ Standard Publications Limited li tippubblika l-ġurnal The Malta Independent.

Il-Malta Today jidher li rċeviet mill-Awtorità xejn inqas minn €24,000 f’direct order dwar servizz ta’ reklamar. Il-ġurnal The Times, li għandu ċirkolazzjoni ferm aktar minn The Malta Today, ingħata biss €12,000 għal skop ta’ servizz ta’ reklamar. Nifhmu li l-eżerċizzju ta’ marketing pożittiv għall-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzarji kienet marbuta wkoll li tagħti impressjonijiet pożittiv dwar Malta anki invista tal-evalwazzjoni
Moneyval fuq pajjiżna.

Lil hinn mill-mezzi ta’ Saviour Balzan, jidher li l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji kienet tagħmel użu wkoll mis- servizzi ta’ Rachel Attard li wkoll ingħatat kuntratt ta’ konsulenza ta’ €43,000. Rachel Attard, li kienet impjegata ma’ Standard Publications, illum toffri servizzi ta’ konsulenza fir-relazzjonijiet pubbliċi lil entitajiet diversi, fosthom entitajiet governattivi.