Futbol Sport

Everton lura għar-rebħ, bl-eroj ikun Calvert-Lewin

(Ritratt: EPA)

Everton irritornaw għar-rebħ kontra Fulham fi Craven Cottage, u wara li t-tim immexxi minn Carlo Ancelotti kien sofra tliet telfiet konsekuttivi t fil-kampjonat. L-eroj f’din ir-rebħa kien l-attakkant prolifiku, Dominic CALVERT-LEWIN li skorja żewġ gowls — bix-xorti żgur mhix qed tidħak lil Fulham li f’din il-logħba kellhom jitilfu t-tielet penalty mogħti lilhom f’dan l-istaġun.

It-Toffees marru fil-vantaġġ wara biss 42 sekonda meta Calvert-Lewin xeħet ġewwa fuq l-assist ta’ Richarlison. Bobby DECORDOVA-REID (15) kiseb id-dro momentarju għal Fulham iżda Everton, wara, fetħu vantaġġ komdu b’żewġ gowls oħra minn Calvert-Lewin u Abdoulaye DOUCOURE (35).

Fulham  fallew milli jnaqqsu d-distakk meta ngħataw penalty għall-fawl ta’ Ben Godfrey fuq Ruben Loftus-Cheek, b’Ivan Cavaleiro jiżloq fil-ħin tax-xutt mill-ħdax il-metru – bil-ballun jgħaddi dritt minn fuq il-mimduda. LOFTUS-CHEEK  u Ademola Lookman imbagħad ikkombinaw għat-tieni gowl ta’ Fulham, 20 minuta mit-tmiem iżda dan il-gowl kien ftit wisq u tard wisq għall-Cottagers.

Gowl mill-isbaħ skurjat minn Sebastien HALLER fi Bramall Lane kien biżżejjed biex jagħti t-tliet punti lil West Ham United għall-ispejjeż ta’ Sheffield United — li b’din it-telfa jibqgħu ankrati f’qigħ il-Premier League b’punt wieħed biss minn disa’ logħbiet.

Haller sab is-saqaf tax-xibka b’xutt imprendibbli fis-56 minuta, b’West Ham ifallu bi ftit milli jirduppjaw meta Declan Rice ra l-header tiegħu jistampa mal-miduda. L-aktar azzjoni perikoluża tal-Blades waslet tard fit-tieni taqsima meta Oli McBurnie ra l-kanunata tiegħu taħbat mal-lasta, bil-gowlkiper Fabianski megħlub. Id-difiża tal-Hammers, minn dak il-ħin, ikkontrollat tajjeb l-attakki tal-avversarji għal riżultat utli ieħor.

Leeds United iddominaw lil Arsenal għal ħafna ħinijiet tal-konfront f’Elland Road, iżda kellhom jikkuntentaw bi dro (0-0) wara li ħlew kwantità ta’ ċansijiet minkejja li kienu qed jilgħabu kontra għaxar plejers għall-parti kbira mit-tieni taqsima.

Arsenal kellhom wirja mill-aktar diżappuntanti u l-logħba għalihom ġiet aktar għat-telgħa bit-tkeċċija ta’ Nicolas Pepe (51) għal daqqa ta’ ras lil Ezgjan Alioski  (bit-tkeċċija tkun ikkonfermata bil-VAR). Il-Gunners, imbagħad, għażlu li jixħtu kollox fuq id-difiża, b’Leeds itellgħu attakk wara l-ieħor u mingħajr ma rnexxielhom jisfruttaw is-sitwazzjoni favorevoli.

Filwaqt li Leeds kienu superjuri għall-avversarji anki fl-ewwel taqsima, it-tim ta’ Marcelo Bielsa wettaq assedju fuq il-lasta ta’ Bernd Leno fit-tieni 45 minuta – u fejn laqtu l-lasta u l-mimduda tliet darbiet mis-sostitut Rodrigo, Patrick Bamford u Raphinha. Intant, iż-żewġ tims spiċċaw ħadu punt kull wieħed wara li t-tnejn kienu sofrew tliet telfiet fl-erba’ konfronti tal-league preċedenti.