Internazzjonali

Ikomplu l-konfronti bejn Iżrael u l-Palestinjani, fost twissija mill-Iran

Il-qawwiet tal-ajru ta’ Iżrael mill-ġdid wettqu l-attakki fuq il-miri tal-militanti Iżlamiċi fil-Medda ta’ Gaza – b’dan isir bħala reazzjoni għall-isparatura (mill-istess militanti) ta’ rokit lejn l-artijiet Iżraeljani.

Filwaqt li ma kenux irrappurtati l-vittmi, l-Iżraeljani qalu li r-rokit sparat minn Gaza wettaq il-ħsarat ġo fabbrika, fil-belt ta’ Ashkelon. Intant, l-Iżraeljani bagħtu l-ajruplani tal-gwerra biex jattakkaw numru ta’ siti militari tal-grupp militanti Hamas li jikkontrolla l-Medda ta’ Gaza.

L-istess qawwiet tal-ajru fl-aħħar sigħat laqtu l-inħawi fil-Belt ta’ Gaza kif ukoll fl-ibliet ta’ Rafah u Khan Younis, fejn dehru telgħin il-fjammi u d-dħaħen miz-zoni speċifiċi.

Għalkemm il-Hamas ma assumiex responsabbiltà għar-rokit, il-militar ta’ Iżrael qal, fi stqarrija, li ‘din l-organizzazzjoni terroristika (tal-Hamas) hi responsabbli għall-azzjonijiet mill-Medda ta’ Gaza u għandha ġġorr il-konsegwenzi għat-terrur li qed ikun dirett lejn iċ-ċivili Iżraeljani’.

Sadanittant, l-Iran –l-għadu ewlieni ta’ Iżrael – ħalef li jegħleb kwalunkwe tentattiv mill-Iżraeljani biex inaqqsu mir-rwol ta’ Tehran fis-Sirja. L-Iranjani qed jgħidu li ‘illum spiċċat l-era tal-attakki għall-għarrieda tal-Iżraeljani fuq l-interessi tagħhom’– u minkejja li l-qawwiet tal-ajru Iżraeljani, proprju ftit tal-jiem ilu, kienu attakkaw miri tal-Armata Sirjana u tal-paramilitari Iranjani fit-territorju tas-Sirja.

Iżrael iqis lill-Iran bħala l-akbar theddida għas-sigurtà tiegħu. Għaldaqstant, l-Iżraeljani attakkaw diversi drabi lill-miri Iranjani u tal-alleati tagħhom fis-Sirja. L-Iran ilu mill-2012 jappoġġja lill-President Sirjan, Bashar al-Assad u l-qawwiet tiegħu kontra r-ribelli li jridu jwaqqgħu lir-reġim ta’ Damasku.