Naomi Dingli hi r-rebbieħa ta’ Miss World Malta 2020.
Alex Borg hu r-rebbieħ ta’ Mr World Malta 2020.
Ir-rebbieħa… it-tnejn għandhom 25 sena… Naomi Dingli minn Ħ’Attard u Alex Borg mix-Xendi Għawdex.
It-tema għal din is-sena kienet ‘Beauty with a purpose – human like you’ fejn il-kontestanti kollha kienu l-protagonisti sabiex iqajjmu kuxjenza kontra l-vjolenza u t-traffikar ta’ umani.
Huma ħadu dan it-titlu prestiġġjuż is-Sibt filgħaxija waqt konkors li ttella’ b’mod differenti mis-soltu minħabba l-pandemija.
Filfatt, għall-ewwel darba, preżenti għall-konkors li kien ippreżentat minn Keith Demicoli u Quinton Scerri ma kienx hemm udjenza… Konkors li ntwera biss fuq it-televiżjoni.
F’Miss World Malta, ikklassifikat fit-tieni post Ella Portelli segwita minn Pearl Marie Micalled. F’Mr World Malta… Ilyan Seychel kklassifika fit-tieni post filwaqt li Neil Bonello spiċċa fit-tielet post.
Din is-serata li kienet organizzata minn Sue Rossi u Claudia Callejja, kienet it-23 edizzjoni fejn b’kollox ħadu sehem 24 tfajla u 14-il ġuvni. Intant, iż-żewġ rebbieħa se jkunu qed jirrapreżentaw li Malta fl-akbar konkors mondjali tas-sbuħija Miss u Mr World, bid-dati finali għadhom iridu jiġu kkonfermati iktar ‘il quddiem. Din mistennija tkun segwita minn aktar minn żewġ biljun ruħ madwar id-dinja.