Futbol Sport

Naxxar iwaqqfu s-serje negattiva u Pembroke jsalvaw punt fl-aħħar minuti

Chris Cassar
MARSAXLOKK ………….. 0
NAXXAR L. ……………….. 1


Marsaxlokk: F. Tabone, C. Degabriele, G. Barone, N. Ghio, D. Cartella, P. Doffo, I. Paz, D. Sammut, C. Brincat, P. Xuereb, R. Fenech
Naxxar L: O. Borg, A. Azzopardi, M. Fenech, M. Mifsud, E. Farias, A. Azzopardi, R. Cassar, J. Ellul, B. Essel, T. Battaglia, S. Meilak.
Referee: Daniel Casha


Naxxar Lions waqqfu s-serje negattiva ta’ ħames logħbiet li fihom kisbu biss punt, meta b’gowl sabiħ ta’ Joel Ellul fit-tieni taqsima taw l-ewwel telfa tal-istaġun lil Marsaxlokk.
Ir-rebħa kienet meritata għaliex kienu Naxxar li dejjem urew l-aħjar ideat f’din il-logħba u kelhom ukoll l-aħjar ċansijiet ta’ skor, fosthom anki penalty fl-ewwel taqsima.
L-ewwel taqsima kienet bilanċjata bit-tim ta’ Naxxar juri l-aħjar ideat u jkollu wkoll l-isbaħ opportunita’ meta ngħata penalty, penalty li iżda n-Naxxarin ma sfruttawx. Wara 20 minuta logħob freekick sabiħ ta’ Edson Farias u risposta mill-aqwa ta’ Tabone li dawwar għal korner b’diffikulta.
Fit-38 minuta Tabone kellu joħroġ minn postu biex iwaqqaf lil Joel Ellul, iżda għamel dan b’mod skorrett bir-referee ġustament jordna l-penalty. Mill-11-il metru iżda x-xutt ta’ Edson Farias kien salvat minn Tabone, bl-istess Tabone jerġa jċaħħad lil edson Farias mir-rebound.
Ftit qabel l-intervall freekick ta’ Cartella u save tajjeb ta’ Omar Borg. Fit-tieni taqsima l-andament tal-logħba ftit inbidel u fit-62 minuta Naxxar fetħu l-iskor meta Joel Ellul skorja ġmiet ta’ gowl b’xutt minn tarf il-kaxxa.
Żewġ minuti wara l-isbaħ opportunita’ ta’ draw għal Marsaxlokk meta daqqa ta’ ras ta’ Peter Xuereb li dehret destinata għal ġewwa kienet salvata b’mod brillanti minn Omar Borg.
Għall-kumplament tal-logħba kienu Marsaxlokk li attakkaw b’mod konfuż biex jippruvaw isalvaw ir-riżultat iżda ma rnexxilhomx jagħmlu dan.


QRENDI …………………… 2
PEMBROKE A. …………… 2


Qrendi: D. Zarb, L. Martinelli, J. Busuttil, A. Nilsson, D. Sammut, A. Agius, D. Bueno, E. Vella, S. Perdomo, D. Azzopardi, M. Gatt.
Pembroke A: P. Schranz, A. Marshall, K. Farrugia, D. Sant, K. Frendo, J.P. Oliveira, T. Abdeen, T. Fenech, J. Bajada, M. Brincat, K. Aquilina.
Referee: Slobodan Petrovic


Pembroke zammew l-imbattibilita’ tagħhom meta kisbu d-draw fid-90 minuta kontra Qrendi f’logħba mill-iktar missielta u eċċitanti. Pembroke daħlu jistrieħu fil-vantaġġ iżda doppjetta ta’ Bueno kmieni fit-tieni taqsima dawret l-iskor għal Qrendi sakemm Abdul Abdeen salva l-logħba għal Pembroke.
Pembroke kellhom bidu ferm tajjeb u wara biss seba’ minuti marru fil-vantaġġ meta Abdeen qassam tajjeb mil-lemin lejn Matthew Brincat li b’xutt fil-baxx skorja. Pembroke komplew jattakkaw u kellhom diversi tentattivi lejn il-lasta iżda l-goalkeeper ta’ Qrendi Zarb ftit kien impenjat.
Minn naħa tagħhom Qrendi ftit kienu konkreti fl-attakk fejn tilfu wkoll lil Nilsson li weġġa’ u kellu jinbidel.
Żewġ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima Qrendi kisbu l-gowl tad-draw meta Buena irċieva mingħand Gatt u b’xutt bid-dawra għeleb għal kollox lil Schranz. Fit-53 minuta Qrendi dawwru l-iskor meta minn freekick mogħti minn Pabon, kien Bueno li b’daqqa ta’ ras preċiża għeleb lil Schranz għat-tieni darba.
Pembroke wettqu rimonta u laqtu l-lasta b’daqqa ta’ ras ta’ Abdeen u fis-70 minuta xutt fil-baxx ta’ Oliveira kien salvat b’diffikulta minn Zarb. Fid-90 minuta l-isforzi ta’ Pembroke kienu ppremjati meta f’azzjoni konfuża Abdul Abdeen skorja b’daqqa ta’ ras mill-viċin.