Lokali

Rabja kbira fil-Grupp Parlamentari Laburista wara r-Reshuffle ta’ Abela

27 membru; 20 minnhom fil-kariga ta' Ministru

Reshuffle fil-Kabinett tal-Gvern, f’inqas minn 10 xhur wara li Robert Abela ħoloq l-ewwel Kabinett tiegħu, ċertifikat li l-ewwel għażla ta’ Robert Abela bħala Prim Ministru f’Jannar li għadda falliet. Dan iċ-ċertifikat, tah il-Prim Ministru stess, lilu nnifsu!

F’Jannar li għadda, Robert Abela kien ħabbar l-akbar Kabinett fl-istorja ta’ pajjiżna. Issa, l-Prim Ministru għażel li jikser dan ir-rekord tiegħu stess fejn reġa’ kabbar il-Kabinett, tattika biex iżomm lil kulħadd kuntent, tattika li xorta qed toħloqlu ħafna ġlied intern.

Id-deputat Silvio Parnis tneżża’ minn kull rwol li kellu u spiċċa’ backbencher.

F’post fuq Facebook, hu indika li din id-deċiżjoni ta’ Abela waslitu biex jieħu d-deċiżjoni li ma jridx jikkontesta aktar. Parnis, fl-aħħar ġimgħat, kien suġġett għal kritika qawwija għal mod kif indirizza l-pandemija fil-qasam tal-anzjani. Iżda waqt li l-COVID-19 kompla jgħolli rasu, mhux Parnis biss kien suġġett għal kritika. L-istess ġralhom Owen Bonnici u Julia Farrugia.

Konferma tal-falliment ta’ Owen Bonnici fl-irwol ta’  Ministru tal-Edukazzjoni kienet it-tneħħija tiegħu minn dan id-dekasteru iżda biex Abela jaċċerta’ li Bonnici ma jkun jista’ jgħid xejn, ivvintalu Ministeru ġdid – dak għar-Riċerka, Innovazzjoni u l-Koordinazzjoni tal-Istrateġija wara COVID-19.

Post Bonnici fl-Edukazzjoni se jittieħed minn Justyne Caruana li reġgħet ingħatat Ministeru wara li kienet irriżenjat f’Jannar li għadda fid-dawl ta’ skandlu li rrigwarda lir-raġel tagħha. Silvio Valletta, l-eks Assistent Kummissarju tal-Pulizija, li kien siefer mal-allegat kompliċi fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech. B’Caruana tirriżenja, iżda issa lura fil-Kabinett. Ħafna qed jistaqsu; x’inbidel minn Jannar ‘l hawn?

Anke Julia Farrugia Portelli ingħatat konferma li falliet bħala Ministru għat-Turiżmu; konferma li l-‘mechanisms’ tagħha ma ħadmux. Iżda minkejja li mhux se tkun Ministru għat-Turiżmu, xorta inżammet fil-Kabinett. B’Robert Abela mill-ġdid jivvinta dekasteru din id-darba għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja. Minkejja l-falliment, l-istess bħal Owen Bonnici, Farrugia se jkollha l-istess paga li kellha waqt li falliet fl-irwol preċedenti tagħha.

Intant, għal darb’oħra, il-Gvern Laburista naqas milli jtella’ l-iSport fil-livell ta’ Ministeru. Dan minkejja li l-Partit Nazzjonalista ilu żmien jinsisti li dan il-qasam għandu jkun Ministeru.

Il-Partit Nazzjonalista kompla jisħaq ukoll fuq l-importanza taż-żgħażagħ u tkellem dwar kif irid li ż-żgħażagħ ikunu l-preżent u mhux biss il-futur tal-pajjiż. Jidher ċar, skont l-istqarrija tal-Gvern li fiha tħabbar il-Kabinett, li Robert Abela u l-Partit Laburista għandhom ħsieb totalment differenti hekk kif iż-żgħażagħ ġew kompletament minsija mill-Kabinett. Fl-ikbar Kabinett fl-istorja ta’ pajjiżna, Robert Abela ma sabx spazzju għaż-żgħażagħ, dan meta m’hemm ebda Ministeru jew Segretarju Parlamentari li taħtu jaqa’ dan is-settur tant importanti għal pajjiżna.