Lokali

“Robert Abela jammetti l-inkompetenza tiegħu u tal-Gvern tiegħu” – Bernard Grech

Waqt li kien qed jindirizza attività politka fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalsita, il-Kap tal-PN Bernard Grech saħaq li pajjiżna għandu bżonn direzzjoni ċara, tmexxija għaqlija u kompetenza fit-tmexxija u dan jista’ jtih biss il-Partit Nazzjonalista, kif għamel kull darba li pajjiżna kien għaddej minn kriżi.

Tul id-diskors tiegħu, Bernard Grech tkellem dwar ir-Reshuffle fil-Kabinett li għamel Robert Abela, 10 xhur wara li ħatar l-ewwel Kabinett tiegħu. Il-Kap tal-PN saħaq li Robert Abela tana l-ikbar prova tal-inkompetenza tiegħu meta wara biss għaxar xhur mir-reshuffle li għamel, ħabbar reshuffle ieħor u reġa qaleb il-kabinett ta’ taħt fuq.

Bernard Grech saħaq li f’mument ta’ kriżi, fejn l-iktar li għandu bżonn pajjiżna hija stabbilita’, għandna Prim Ministru li prattikament waqqaf Gvern għal ġimgħat sħaħ bl-ispekulazzjoni ta’ reshuffle u dan għaliex l-għażliet li għamel għaxar xhur ilu fallew bl-itkar mod evidenti. “Dan Gvern li falla quddiem il-pandemija u dan ikkonfermah Robert Abela nnifsu meta bidel il-Ministri tas-setturi l-iktar milquta mill-COVID-19.” Dan meta l-Prim Ministru keċċa lis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Anzjani, bidel lill-Ministru tal-Edukazzjoni, bidel lill-Ministru tat-Turiżmu u telaq il-Ministru tal-Finanzi. Hawnhekk Bernard Grech għamel aċċen għas-settur taż-żgħażagħ li dan il-Gvern nesa; “Iż-żgħażagħ għalina huma prijoritá, tant li meta nkunu fil-Gvern se jkollna ministeru għaż-zgħazagħ tagħna għaliex huma l-preżent u l-futur ta’ pajjiżna.”

Il-Kap tal-PN saħaq li l-interessi elettorali wasslu lil Robert Abela biex reġa’ kabbar il-kabinett kbir li diġa kellu u tefa’ fuq il-pajjiż spiża ikbar hekk kif pajjiżna qed jiffaċċja l-ikbar defiċit fl-istorja. “Pajjiżna għandu bżonn direzzjoni ċara, tmexxija għaqlija u kompetenza fit-tmexxija u dan jista’ jtih biss il-Partit Nazzjonalista, kif għamel kull darba li pajjiżna kien għaddej minn kriżi”, temm jgħid il-Kap tal-PN Bernard Grech.