Lokali

“Robert Abela jammetti l-inkompetenza tiegħu u tal-Gvern tiegħu”

Robert Abela ammetta l-inkompetenza tiegħu u tal-Gvern tiegħu meta wara biss għaxar xhur mir-reshuffle li għamel ħabbar reshuffle ieħor u reġa qaleb il-kabinett ta’ taħt fuq. F’mument ta’ kriżi, fejn l-iktar li għandu bżonn pajjiżna hija stabbilta’, għandna Prim Ministru li prattikament waqqaf Gvern għal ġimgħat sħaħ bl-ispekulazzjoni ta’ reshuffle u dan għaliex l-għażliet li għamel għaxar xhur ilu fallew bl-iktar mod evidenti.

Stqarr dan il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija l-Ħadd dwar id-diskors tal-Ħadd filgħodu tal-Prim Ministru li fih ikkonferma l-fatt li dal-Gvern falla quddiem il-pandemija tal-COVID-19 meta biddel il-Ministri tas-setturi l-iktar milquta minnha u spiċċa biex keċċa lis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Anzjani, lill-Ministru tal-Edukazzjoni, lill-Ministru tat-Turiżmu u telaq il-Ministru tal-Finanzi. Robert Abela ma kellu l-ebda għażla oħra ħlief li jċedi għall-pressjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u wara li għamel ġimgħat iwebbes rasu u saħansitra jiddefendi lil Silvio Parnis, ilbieraħ kellu jkeċċieh.

Minbarra dan wara li Owen Bonnici falla fil-qasam tal-ġustizzja, u issa falla fil-qasam tal-edukazzjoni, minflok warrbu issa qed jafdalu l-iktar strateġija importanti li se jkollu pajjiżna fix-xhur li ġejjin; dik li jikkordina l-istrateġija ta’ pajjiżna biex jirkupra minn din il-pandemija.  Din hija riċetta għal falliment ieħor pero’ dan Prim Ministru inkompetenti u li għalih l-ewwel jiġu l-interessi elettorali tal-Partit Laburista qabel l-interess nazzjonali.

Il-Partit Nazzjonalista jinnota wkoll li l-Partit Laburista ma tgħallem xejn minn dak li wettaq fil-passat biex kisser ir-reputazzjoni ta’ pajjizna u jibqa’ ma jgħarafx l-indipendenza tal-istituzzjonijiet tagħna wara li Edward Scicluna, għaliex għad għandu kontroll fuq Robert Abela, lejliet li se jinħatar Gvernatur tal-Bank Ċentrali tħalla jindirizza attivita’ politika. Huwa ċar iktar minn qatt qabel li pajjiżna għandu bżonn direzzjoni ċara, tmexxija għaqlija u kompetenza fit-tmexxija li jista’ jtih biss il-Partit Nazzjonalista kif għamel kull darba li pajjiżna kien għaddej minn kriżi.