Internazzjonali

Stati Uniti: Joe Biden qrib ir-rebħa anki f’Pennsylvania

Imħallef f’Pennsylvania warrab ir-rikors legali min-naħa tal-attivisti li qed imexxu l-kampanja tal-President Amerikan Donald Trump u li riedu jannullaw ir-riżultat tal-elezzjoni f’dan l-Istat kruċjali.

L-aħħar disfatta għat-tentattivi ta’ Trump biex jikkuntesta r-riżultat tal-elezzjoni Presidenzjali tat-3 ta’ Novembru seħħet wara li l-attivisti mal-President ippruvaw jinvalidaw il-miljuni tal-voti li ntefgħu bil-posta f’Pennsylvania.

L-Imħallef Matthew Brann qal, wara, li r-rikors, li kien qed jibbaża fuq allegati irregolaritajiet, kien ‘nieqes minn kwalunkwe meritu.

L-iżvilupp qed iwitti t-triq għall-konferma tar-rebħa f’Pennsylvania għall-kandidat tal-Partit Demokratiku, Joe Biden. Intant, Biden, il-President-elett tal-Istati Uniti, għandu vantaġġ ta’ aktar minn 80,000 vot (fuq Trump) f’dan l-Istat.

Minkejja li mhuma jwasslu mkien il-proċessi legali mressqa mill-kamp ta’ Trump wara l-elezzjoni Presidenzjali, il-President bl-ebda mod mhu qed jammetti t-telfa. Fil-fatt, hu qed jippersisti bl-allegazzjonijiet dwar ‘frodi sistematika fil-proċess elettorali’ mingħajr ma jressaq il-provi konkreti u validi.

L-aġir ta’ Trump, intant, qed itellef il-proċess ‘normali’ ta’ wara elezzjoni fl-Istati Uniti – u meta Joe Biden hu proġettat li jegħleb lil Donald Trump bi 306 vot kontra 232, skont is-sistema tal-Kulleġġ Elettorali li tiddetermina l-Presidenza tal-pajjiż għall-erba’ snin li jmiss.

Fil-fatt, il-kampanja ta’  Trump tilfet sensiela ta’ rikorsi legali li kellhom jikkuntestaw ir-riżultati tal-elezzjoni — bl-aħħar sforzi tar-Repubblikani jikkonċentraw fuq l-Istati ewlenin ikkunsidrati bħala ‘swing states’ ( jiġifieri l-Istati influwenti għar-riżultat elettorali).

Dan meta l-President kien qed jittama li jwaqqaf dawn is-swing states li taw ir-rebħa lil Joe Biden milli jiċċertifikaw ir-riżultati – u meta l-konferma mill-Istati inkwistjoni hi essenzjali biex il-kandidat Demokratiku jkun iddikjarat formalment bħala rebbieħ tal-elezzjoni.