Kummerċ Lokali

Aktar minn 200 ħanut fil-gwida tax-xiri għal-Black Friday

Il-Kamra tal-SMEs nediet gwida għax-xiri lokali li fiha hemm aktar minn 200 ħanut minn kategoriji differenti u li joffru servizzi differenti.

Fl-isfond tal-isfidi li qed jiffaċjaw bħalissa n-negozji madwar id-dinja, il-Kamra tal-SMEs kienet strumentali biex għenet lil ħafna negozji jsibu mezzi biex anke f’dawn ix-xhur diffiċli fejn il-pandemija ma reħiet xejn u għamlet ħerba mill-ekonomija, jkunu jistgħu jiddiversifikaw il-mod kif ibiegħu, b’ħafna minnhom issa qed joffru servizz ta’ bejgħ online.

Abigail Mamo, Kap Eżekuttiv tal-Kamra spjegat li l-kamra ġabret lista tan-negozji li qed joffru servizzi online imma anke qed joffru servizz ta’ twassil tal-prodott biex b’hekk in-negozji Maltin qed jikkompetu sew ma’ dawk barranin.

Hi spjegat ukoll x’għamlet il-Kamra tal-SMEs biex ukoll għenu lin-negozji jħejju ruħhom sew għal Black Friday. Mamo qalet li din is-sena n-negozji preparaw aktar minn kmieni l-offerti tagħhom ta’ Black Friday li qed ikunu wkoll estiżi fuq perjodi itwal u bi ftuħ ta’ ħwienet estiżi estiżi wkoll sabiex ikun hemm inqas iffullar f’ħinijiet partikolari.

Il-President Paul Abela enfasizza l-vantaġġi li wieħed jixtri minn pajjiżna anke permezz tal-online shopping. Dan ukoll għax meta huwa negozju lokali, dan jagħmilha aktar faċli li wieħed jibdel oġġett jekk ikun hemm il-ħtieġa.

Abela saħaq dwar il-ħtieġa li nżommu l-ekonomija miexja, u semma kif pajjiżna se jkun qed jiffaċja sfidi mhux żgħar, bit-tbassir ta’ tliet biljun ewro defiċit sas-sena d-dieħla.

Il-Kamra appellat lill-pubbliku biex iżomm mar-regolamenti maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa meta jżuru ħwienet fiżikament, fosthom permezz taż-żamma tad-distanzi soċjali u tal-ilbies tajjeb tal-maskra.