Internazzjonali

Alleat ewlieni ta’ Donald Trump iħeġġeġ lill-President jaċċetta t-telfa

Chris Christie (lemin) flimkien mal-President Donald Trump

Chris Christie, l-eks Gvernatura tal-Istat ta’ New Jersey u alleat ewlieni tal-President Donald Trump, ħeġġeġ lil Trump biex jaċċetta r-riżultat tal-vot tal-elezzjoni presidenzjali tat-3 ta’ Novembru.

20 jum wara l-votazzjoni u iktar minn ġimgħatejn wara li Joe Biden kien dikjarat rebbieħ, Donald Trump għadu m’aċċettax formalment ir-riżultat u għamel numru ta’ allegazzjonijiet infondati ta’ frodi elettorali fuq skala wiesa’.

Christie hu wieħed minn grupp żgħir ta’ politiċi Repubblikani – li kull ma jmur qed jikber – li qed jikser is-silenzju u jħeġġeġ lill-President jiffaċċja r-realta’. Waqt programm televiżiv il-Ħadd fuq l-istazzjon ABC, Chris Christie qal li l-manuvri tat-tim legali ta’ Trump huma “tal-mistħija” (a national embarrassment).

“Jien sostenitur tal-President sa mill-bidunett, ivvotajtlu darbtejn. Imma elezzjonijiet għandhom konsegwenzi u ma nistgħux inkomplu naġixxu qisu ma ġara xejn,” sostna Christie.

Dawn il-kummenti waslu l-għada li Qorti f’Pennsylvania ċaħdet rikors ieħor mill-kampanja ta’ Trump bl-Imħallef iċanfar lill-kampanja li ppreżentat “argumenti legali mġebbdin u mingħajr mertu”.

Din is-sentenza twitti t-triq lill-Istat ta’ Pennsylvania biex jiċċertifika r-riżultat elettorali favur Joe Biden.

Ikkummenta