Anzjan ta’ 83 sena mill-Imdina qed isofri minn ġrieħi serji u qed jissielet għal ħajtu wara li kien involut f’inċident tat-traffiku fir-Rabat.
L-inċident seħħ dalgħodu, u għall-ħabta tas-7.30am, il-Pulizija ġiet infurmata li hemm bżonn l-assistenza fi Triq is-Saqqajja wara li persuna kienet intlaqtet minn vettura.
Il-Pulizija tad-Distrett marret minnufih fil-post, fejn minn investigazzjonijiet
preliminari li saru rriżulta li r-raġel intlaqat minn vettura Toyota Landcruiser misjuq minn raġel ta’ 77 sena li joqgħod San Pawl il-Baħar.
Fil-post issejjaħ ukoll tim mediku u ambulanza li ħadet lill-vittma l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Rachel Montebello, li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.
//= $special ?>