Lokali

Barrani jsofri feriti gravi waqt argument ma’ barrani ieħor

Barrani ta’ 38 sena residenti Tal-Pietà sofra feriti gravi kawża ta’ daqqa ta’ siġġu li qala’ waqt argument ma’ barrani ieħor.

Mill-ewwel investigazzjonijiet tal-Pulizija jirriżulta li l-argument seħħ għall-ħabta tal-4am f’residenza fi Triq Qrejten, f’Tal-Pietà stess. Mhux magħruf x’wassal għall-argument bejn iż-żewġ barranin, bil-vittma jispiċċa jaqla’ daqqa ta’ siġġu.

Il-Pulizija arrestat lir-raġel l-ieħor, li għandu 42 sena u li wkoll joqgħod f’Tal-Pietà, hekk kif aktar investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.