Futbol Sport

Gianfranco Micallef isolvi l-problemi ta’ Mqabba

Chris Cassar


MQABBA ………………….. 1
ST. GEORGE’S …………… 0

Mqabba: J. Grech, L. Farrugia, G. Mannino, R. Cauchi, J. Castano, R. Cutajar, K. Borg, F. Zammit, D. Micallef, G. Cesani, G. Bugeja.
St.George’s: J. Azzopardi, M. Caruana, R. Mandic, L. Bonett, D. Caruana, B. Gomes Dos Reis, S. Darmanin, L.J. Agius, O. Magro, C. Ekeh, J. Grech.
Referee: Alex Johnson

Gowl fit-tieni taqsima tas-sostitut Gianfranco Micallef ta rebħa mqanżħa iżda prezzjuża lil Mqabba kontra St. George’s, f’logħba bejn żewġ timijiet fi bżonn kbir ta’ punti.

Għal St. George’s riżultat diżastruż fejn issa s-sitwazzjoni tagħhom hi ddisprata hekk kif baqgħu ankrati f’qiegħ il-klassifika fejn għadhom ukoll ifittxu l-ewwel rebħa.Iżda St. George’s jistgħu biss iwaħħlu fihom innfushom għal dan ir-riżultat negattiv fejn pattew qares taċ-ċansijiet li tilfu fl-ewwel taqsima fosthom, penalty. 

L-ewwel taqsima kienet dominata għal kollox minn St. George’s li kienu l-ħin kollu fl-attakk anki jekk ċansijiet ta’ skor kellhom ftit. L-isbaħ żewġ ċansijiet ġew f’saqajn l-attakkant Dylan Caruana li sfortunatament għall-Bormliżi kienu falluti t-tnejn.

Fil-15-il minuta l-isbaħ ċans meta Caruana twaqqa’ fil-kaxxa mill-goalkeeper Grech, iżda mill-11-il metru x-xutt tal-istess Dylan Caruana kien salvat bi bravura minn Jonathan Grech. Ftit wara azzjoni tajba Jurgen Grech, li kien fost l-aħjar għas-Saints, li qasam lejn Dylan Caruana li minn qagħda tajba laqat il-ballun ħażin. I

l-kowċ ta’ Mqabba kellu jintervjeni biex jipprova jagħti ftit tal-ħajja lit-tim tiegħu fejn wettaq tliet sostituzzjonijiet viċin in-nofs siegħa logħob, waħda mill-bidliet kienet sfurzata, dik tal-goalkeeper Jonathan Grech li weġġa’ u minflok daħal Maverick Buhagiar. Fit-tieni taqsima Mqabba kienu aħjar mill-avversarji anki jekk resqu biss b’tentattivi mid-distanza, sakemm fis-77 minuta s-sostitut Gianfranco Micallef b’xutt sabiħ fil-baxx ħalla lil Azzopardi jħares. Is-Saint xeħtu kollox fl-attakk u kellhom xi opportunitajiet iżda kien evidenti li ma kinitx is-serata tal-Bormliżi.