Lokali Qorti

Il-familja ta’ raġel li miet fil-kustodja tal-Pulizija titlob lill-Qorti għall-aċċess immedjat ta’ informazzjoni

Il-familjari ta’ raġel li miet fil-kustodja tal-Pulizija qed titlob lill-Qorti Kostituzzjonali biex mill-aktar fis possibbli jkollha aċċess għad-dokumenti kollha tal-inkjesta li qed issir rigward il-mewt tiegħu.

Dawn qed jikkontednu li dan l-aċċess huwa dritt fundamentali tagħhom u dan wara li fl-24 ta’ Ġunju li għadda kien miet Richmond Tong gewwa l-Lock Up tal-Pulizija gewwa l-Furjana.

Il-familja tiegħu ppreżentat kawża Kostituzzjonali biex mhux biss tkun taf x’wassal għall-mewt tiegħu, iżda li jkollha aċċess għad-dokumenti u l-informazzjoni kollha li qed toħroġ mill-inkjesta maġisterjali.

Richmond Tong ta’ 35 sena residenti l-Imtarfa kien miet matul il-lejl taħt il-kustodja tal-Pulizija. Huwa kellu bżonn assistenza medika hekk kif deher li kien tah attakk ta’ aċċessjoni.

Tong kien twaqqaf iktar kmieni matul l-istess lejl mill-Pulizija tal-RIU li kienu fuq ronda u wara li qajmilhom suspett u waqqfuh, saritlu tifttxija fejn instab li allegtament kien fil-pussess ta’ sustanza allegatament droga.

Ġie preżentat rikors fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, Sede Kostituzzjonali minn omm u ħut il-vittma li qegħdin jgħidu li tħallew fl-għama dwar dak li ġara dakinhar li tilef ħajtu u dan aktar u aktar meta huwa ma kellu ebda kundizzjoni medika.

Filgħodu wara li miet Pulizija kien mar id-dar tagħhom biex jagħtihom l-aħbar li Richmond kien tilef ħajtu. Ir-rikors ġie ppreżentata minn ommu Monica Tong u ħutu Ian Tong u Maryjo Tong kontra l-Avukat tal-Istat u l-Avukat Generali. Dawn qegħdin jgħidu li għandhom kull interess fl-andament u l-eżitu tal-istess inkjesta.

Huma qegħdin jitolbu li jkollhom aċċess b’mod immedjat u dan wara li l-Maġistrat Inkwerenti permezz ta‘ digriet datat 22 ta’ Lulju tas-sena 2020 ċaħdet it-talba u dan minħabba l-fatt illi l-inkjesta għadha miftuħa.

Qalu li dan ifisser illi l-familjari tal-vittma Richmond Tong m’għandomx aċċess dwar dak li qed jiġri fl-inkjesta u lanqas informazzjoni dwar l-eżitu u x’qed jigri fl-atti tal-inkjesta. Illi ovvjament il-familjari tal-vittma għandhom interess ġuridiku.

Huwa minnu jgħid ir-rikors li “l-atti u d-dokumenti tal-Qorti ma jistgħu jintwerew lil ħadd, lanqas ma jistgħu jingħataw kopji tagħhom, mingħajr permess speċjali tal-Qorti, ħlief lill-Avukat Ġenerali, lill-partijiet fil-kawża jew lill-Avukat jew Prokuratur legali li jkun awtorizzat mill-istess partijiet.

Madankollu dawk l-atti kollha li jkunu nqraw fil-Qorti bil-miftuħ, jista’ jarahom kull min irid u jistgħu jingħataw kopji tagħhom. Minkejja li huwa minnu illi n-natura ta’ inkjesta fiha nnifsha hija wahda kunfidenzjali dan ma jnaqqas xejn mid-dritt tal-familjari tal-vittma li jkollhom access immedjat ghad-dokumenti esebiti.

L-Avukati Franco Debono, Amadeus Cachia, Marion Camilleri u Francesca Zarb f’isem il-familja Tong qalet li l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea kif inkorporat fil-liġi Maltija bl-Artikolu 10 tal-Ewwel Skeda tal-Kap. 319 jipprovdi fost oħrajn li kulħadd għandu d-dritt għal-libertà ta’ espressjoni.

Il-familja Tong għamlu referenza ghas-sentenza mogħtija mill-Qorti Ewropea tad- Drittijiet tal-Bniedem fit-8 ta’ Novembru 2016 fl-ismijiet “MAGYAR HELSINKI BISOTTAG -vs- HUNGARY” fejn gie stabbilit illi f’ċerti ċirkostanzi d-dritt fundamentali għall-liberta’ ta’ l-espressjoni jinkludi d-dritt għall-informazzjoni:

Dan ifisser għalhekk illi anke l-Qrati ta’ Strasburgu saħqu fuq il-fatt illi persuna għandha dritt għall-aċċess ta’ informazzjoni iktar u iktar fil-kaz inkwistjoni meta qegħdin nitkellmu fuq familjari fejn minn mindu ġara l-incident għandhom lanqas biss jafu x’ġara dakinhar tal-inċident u ingħataw l-ebda tip ta’ informazzjoni.

Għalhekk dan ir-raġunament illi sakemm l-inkjesta tingħalaq il-familjari tal-vittma m’għandhomx id-dritt illi jkollhom aċċess immedjat ghad-dokumenti esebiti, ma jreġix.

Għaldaqstant il-familja Tong qed titlob lill-Qorti Kostituzzjonal tordna, sabiex immedjatament il-familha Tong ikollha aċċess immedjat għad-dokumenti esebiti, u dak kollu li jinsab esebit fl-atti tal-Inkjesta u anke għall-informazzjoni immedjata fost l-oħrajn mingħand l-Uffiċjal Prosekutur rigward tali inċident.

Dan kollu skont l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali, l-Artikolu 10 tal-Ewwel Skeda tal-Kapitolu 319 tal-Liġijiet ta’ Malta] u/jew fl- Artikolu 41 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika ta’ Malta.