Coronavirus

Covid-19: Il-vaċċin tal-Università ta’ Oxford hu effettiv ferm kontra l-virus

Il-vaċċin żviluppat mill-Università ta’ Oxford (fir-Renju Unit) u l-kumpanija AstraZeneca hu ‘effettiv ferm’ biex jevita s-sintomi tal-Covid-19 fin-nies li jispiċċaw esposti għall-virus. Dan joħroġ mill-provi għall-vaċċin li ilhom għaddejjn ix-xhur u li juru aktar progress fil-ġlieda kontra l-coronavirus qattiel.

Id-data proviżorja, f’dan il-każ, tissuġġerixxi li l-vaċċin inkwistjoni jaffordja protezzjoni fuq livell ta’ 70 fil-mija, iżda r-riċerkaturi qed jgħidu li l-protezzjoni, f’dan il-każ, kapaċi jiżdied anki għal 90 fil-mija ladarba wieħed iżid id-doża skont il-kriterji mediċi regolati.

Ir-riżultati tal-provi qed jitqiesu bħala suċċess, anki jekk il-vaċċini ‘anti-Covid’ ta’ Pfizer u Moderna urew effettività ta’ 95 fil-mija. Madankollu, il-vaċċin żviluppat minn Oxford hu orħos u ħafna iktar faċli biex jinżamm taħt il-kundizzjonijiet adatti – bid-distribuzzjoni tiegħu lejn ‘kull rokna tad-dinja’ ukoll titqies bħala ‘anqas diffikultuża’ minn tal-vaċċini ta’ Pfizer u Moderna.

Għaldaqstant, il-vaċċin ta’ Oxford/Astra-Zeneca – f’każ li jkun approvat għall-użu mir-regolaturi — għandu jkollu rwol sinifikanti fl-impenji internazzjonali kontra l-pandemija.

Il-vaċċin ġie ittestjat fuq 20,000 persuna, nofshom fir-Renju Unit u l-kumplament fil-Brazil. Kien hemm 30 każ ta’ infezzjoni bil-Covid-19 fost il-persuni li ngħataw żewġ dożi tal-vaċċin u 101 każ fost il-persuni li ngħataw placebo – b’dan jindika effettivita’ ta’ madwar 70 fil-mija.

Madanakollu, il-vaċċin kien effettiv f’90 fil-mija tal-każi fejn il-voluntiera ngħataw nofs-doża, segwita minn doża sħiħa. Ir-riċerkaturi, għalissa, ma jistgħux jispjegaw din id-differenza fiċ-ċirkustanzi attwali.

Il-Professur Sarah Gilbert, waħda mill-protagonisti wara l-vaċċin tal-Università ta’ Oxfordu AstraZeneca, fl-ewwel kummenti, qalet li ‘dan il-vaċċin iqarreb lid-dinja lejn iż-żmien fejn tintuża l-mediċina effettiva biex tikkonkludi l-era qerrieda tal-coronavirus.’

Intant, il-Gvern tar-Renju Unit ordna mal-100 miljun doża tal-vaċċin ta’ Oxford li huma biżżejjed biex mal-50 miljun persuna jingħataw it-tilqim. L-ewwel persuni li mistennija jitlaqqmu huma r-residenti u ħaddiema fid-djar tal-anzjani, segwiti mill-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa u persuni ta’ ‘il fuq minn 85 sena.

Il-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson qal  li l-iżviluppi relatati mal-vaċċin ta’ Oxford huma ‘ferm eċċitanti u jqawwu qalb kulħadd’ anki jekk, f’dan il-każ, fadal il-proċeduri ta’ analiżi relatati mal-vaċċin għall-ogħla livell tas-sigurtà.