Internazzjonali

Iżrael-Arabja Sawdija: Rapporti dwar ‘taħditiet sigrieti’ bejn Netanyahu u l-Prinċep Salman

Rapporti mill-istampa Iżraeljana qalu li l-Prim Ministru ta’ Iżrael, Benjamin Netanyahu, għamel żjara sigrieta fl-Arabja Sawdija bil-għan li jiltaqa’ għal taħditiet mal-Prinċep Sawdi Mohammed bin Salman.

Filwaqt li ma kienx hemm konferma uffiċjali, żjara bħal din – jekk saret tassew–  għandha titqies bħala ‘l-ewwel waħda magħrufa’ bejn il-mexxejja ta’ Iżrael u l-Arabja Sawdija li huma avversarji storiċi ta’ xulxin. Dan meta l-Istati Uniti ilha tistinka biex tinnormalizza r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ Stati.

Fost l-indikazzjonijiet taż-żjara hemm rapport li Ministru Iżraeljan partikulari żvela li ‘kien infurmat dwar l-iżviluppi ( taż-żjara u l-laqgħa ta’ Netanyahu ma’ Salman) min-naħa tal-Ministru Iżraeljan għall-Affarijiet Barranin.’

Hu minnu wkoll li d-data tal-fast tracking indikat vjaġġ minn ajruplan li s-soltu jintuża minn Benjamin Netanyahu lejn il-belt ta’ Neom, fil-Provinċja ta’ Tabuk lejn il-majjistral tal-Arabja Sawdija.

Fl-istess ħin, l-istazzjon televiżiv Kan, ta’ Iżrael, u sorsi oħra tal-media qalu – huma u jirreferu għal sorsi oħra mhumiex identifikati – li Benjamin Netanyahu u l-Kap tas-servizzi sigrieti (Iżraeljani) tal-Mossad, Yossi Cohen, attendew taħditiet fl-Arabja Sawdija matul il-lejl tal-Ħadd. Ingħad li preżenti kien hemm il-Prinċep Salman u s-Segretarju tal-Istat Amerikan, Mike Pompeo.

Konsulent ewlieni fl-Arabja Sawdija qal lill-Wall Street Journal li ll-Mexxejja diskutew diversi issues, fosthom in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bilaterali u ‘il-kwistjoni tal-Iran’. Intant, ma jidhirx li ntlaħqu xi  ftehim ta’ sustanza waqt l-allegati taħditiet.

Fl-aħħar xhur, il-President Amerikan, Donald Trump, irnexxielu jwassal għal ftehim li permettew għar-relazzjonijiet diplomatiċi ta’ Iżrael mal-Emirati Għarab, il-Bahrain u s-Sudan.

U waqt li l-Arabja Sawdija qed tidher li laqgħet ‘b’kawtela’ il-passi diplomatiċi lejn avviċinament ma’ Iżrael, is-Sawdi, fl-istess ħin, indikaw li għandhom jistennew sakemm jintlaħaq ftehim għall-paċi bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani.