Lokali Parlament

Jeħtieġ impenn nazzjonali biex jonqsu l-inċidenti tat-traffiku fil-pajjiż

Beppe Fenech Adami, PN

Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami appella għal impenn nazzjonali biex jonqsu l-inċidenti tat-traffiku fil-pajjiż billi jkunu identifikati t-toroq fejn l-aktar isiru l-inċidenti u ssir kampanja qawwija ta’ eduakzzjoni.

Fil-parlament Beppe Fenech Adami sostna li dan il-gvern għandu 28 membru fil-kabinett; ikbar mill-Amerika, l-Italja jew l-ikbar superpotenza. Dan ifisser ħafna nies oħra ta’ persons of trust u nefqa ta’ miljuni oħra mill-fondi tal-pajjiż biex il-gvern jaqdi lid-deputati tiegħu biex iżommhom kuntenti u ma jiġildux bejniethom ħlief għal xi wieħed li ma jkunx b’saħħtu.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-PN jaqbel mal-proposta biex tkun introdotta sistema avvanzata u teknoloġika biex iċ-ċitazzjonijiet joħorġu b’iktar informazzjoni u b’sistema dettaljata taċ-ċitazzjonijiet.

Hu tkellem dwar is-sistema tat-tribunali lokali u tal-persuni li jagħtu ċ-ċitazzjonijiet għaliex sa ftit ilu ċ-ċitwazzjoniiet kienu jinħarġu mill-pulizija illum il-gwardjani lokali għandhom rwol f’dan is-settur.

Il-PN jemmenfis-sussidarjetà u għalhekk id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu fl-iktar livell viċin in-nies iżda l-gvern dehrlu li dan il-poter m’għandux jibqa’ għand il-kunsilli lokali u għalhekk ħoloq il-Lesa.

Il-gvern kien qal li l-Lesa se ttejjeb is-sitwazzjoni iżda fil-fatt il-kunsilli lokali m’humiex kuntenti bis-sitwazzjoni li nħolqot għaliex il-verità hi li s-sistema llum titlob ħafna iktar biex tkun effettiva u effiċjenti. Illum saret problema biex il-kunsilli jew anki ċ-ċittadini jingħataw is-servizzi tal-gwardjani lokali; liema servizz llum sar iqum iktar flus u hemm skarzezza kbira ta’ gwardjani.

Hu appella lill-gvern biex jibda jerġa’ jemmen fil-kunsilli lokali u kompla li fil-fatt il-gvern flok iżid il-poteri tal-kunsilli lokali, fl-aħħar snin naqqasomlhom il-poteri. Id-deputat Nazzjonalista qal li l-infurzar tal-liġi għandha tilħaq ukoll ir-rimi tal-iskart fil-kampanja.

Jeħtieġ ikun hemm iktar infurzar u għadna lura ħafna, sostna Beppe Fenech Adami, li kompla li l-kunsilli m’għandhomx biżżejjed Green Wardens li jduru l-lokalitajiet biex in-nies ma jitħallewx jarmu f’postijiet partikolari.

Beppe Fenech Aadmi qal li min iħammeġ għandu jħallas u kompla li problema oħra li mhux kulħadd qed isegwi l-liġi dwar il-ħmieġ tal-klieb fit-toroq. Jeħtieġ livell ogħla ta’ edukazzjoni imma wkoll infurzar quddiem dan l-abbuż minn persuni irresponsabbli.

Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar it-traffiku u kompla li fl-UE fl-2018 kien hemm 23,400 persuna li mietu f’inċidenti tat-traffiku waqt li fl-2019 f’Malta seħħu 15,173 inċudent tat-traffiku; li jfisser 41 inċident tat-traffiku kull jum. Fl-ewwel erba xhur tal-2018 kien hemm żieda ta’ 8%, fit-tieni erba’ xhur żieda ta’ 1%, fit-tielet erba’ xhur żieda ta’ 14% u fir-raba’ erba’ xhur kien hemm żieda oħra.

Il-COVID bidlet id-dinja anki fl-inċidenti tat-traffiku fejn bejn Jannar u Marzu 2020 kien hemm 8% inqas inċidenti fuq l-istess perjodu tal-2019, fit-tieni erba’ xhur u fl-eqqel tal-pandemija kien hemm 40% inqas ta’ inċidenti tat-traffiku mill-istess perjodu fl-2018 waqt li fit-tielet erba’ xhur kien hemm nuqqas ta’ 24% fl-iċidenti.

Dan juri li l-mument li naqas it-traffiku b’mod drastiku fl-eqqel tal-COVID naqsu wkoll l-inċidenti. Minkejja dan, in-numru ta’ imwiet fit-toroq baqa’ l-istess fejn fl-aħħar 10 snin mietu 167 persuna; medja ta’ persuna kull tliet ġimgħat.

Hu kompla li jinsab konvint li s-sitwazzjoni tista’ titranġa u biex ma jkunx hemm persuni li jmutu daqshekk fil-pajjiż. Fl-Iżvezja l-imwiet mit-traffiku naqsu b’60%, sostna Beppe Fenech Adami, li appella għall-edukazzjoni fost ix-xufiera partikolarment dawk żgħażagħ u infurzar effettiv tar-regolamenti.

Jeħtieġ ukoll issir analiżi tal-postijiet li fihom l-inċidenti tat-traffiku biex ikun stabbilit jekk hemmx raġuni għaliex isiru l-inċidenti fl-istess postijiet. Beppe Fenech Adami appella biex isir sforz nazzjonali biex jonqsu l-inċidenti tat-traffiku; kif sar f’pajjiżi barranin.