Lokali

Jieħdu l-ġurament erba’ Ministri ġodda

Fil-Palazz ta’ San Anton, Justyne Caruana, Miriam Dalli, Clyde Caruana u Clayton Bartolo ħadu l-ġurament tal-ħatra minn idejn il-President tar-Repubblika George Vella, bħala Ministri, wara r-Reshuffle li għamel Robert Abela fil-Gvern tiegħu … għaxar xhur biss wara li ħatar l-ewwel Kabinett tiegħu.

Għal xi raġuni, din l-attività ma kinitx miftuħa għall-media u l-kmamar tal-aħbarijiet ma rċievewx stediniet bħalma jiġri ssoltu.

Justyne Caruana diġà kienet parti mill-Gvern ta’ Robert Abela. Madankollu, hi kellha tirriżenja wara li sar magħruf li żewġha – l-eks Assistent tal-Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta – kien siefer mal-allegat kompliċi fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fl-aħħar ġimgħat, Caruana għamlet pressjoni fuq il-Prim Ministru biex terġa’ ssib postha fil-Kabinett. U f’mossa ta’ paniku biex jevita aktar inkwiet fost id-Deputati Għawdxin, Abela sab ix-xoqqa f’moxxtha u tefa’ lil Justyne Caruana biex tmexxi l-Edukazzjoni wara d-disfatta li għamel il-Ministru Owen Bonnici.

Clyde Caruana mhux wiċċ ġdid għall-Gvern ta’ Robert Abela. Fil-fatt, sa ftit tal-jiem ilu, hu kien iċ-Chief of Staff f’Kastilja sakemm il-Prim Ministru għamel pressjoni biex il-Partit Laburista jinkludi lil Caruana fil-Grupp Parlamentari permezz ta’ co-option.

Fl-istess waqt, Abela beda jagħmel pressjoni fuq Edward Scicluna biex jirriżenja minn Ministru tal-Finanzi. Madankollu, hu rriżenja biss wara li l-Prim Ministru kellu jċedi u jagħtih il-kariga ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali.

Dan fetaħ il-bieb għal Clyde Caruana biex jidħol u jmexxi l-Ministeru tal-Finanzi, fl-istess waqt li Scicluna issa se jkun qed imexxi istituzzjoni importanti fil-pajjiż li suppost taġixxi b’mod indipendenti mill-Gvern tal-ġurnata.

Miriam Dalli wkoll sabet postha fil-Kabinett ta’ Abela ftit jiem biss wara li l-Prim Ministru daħħalha fil-Grupp Parlamentari Laburista. Dan wara li Dalli rriżenjat minn Membru Parlamentari Ewropew. Hi issa se tkun qed tmexxi l-portafoll tal-Enerġija.

Hi ħadet post il-Ministru Michael Farrugia, li min-naħa tiegħu, ħa post Silvio Parnis b’responsabbiltà fuq l-Anzjani. Fl-aħħar sigħat, fuq Facebook, Parnis kiteb li dan hu żmien diffiċli għalih, għall-ħbieb tiegħu u għall-eluf li dejjem ivvutawlu, f’messaġġ ċar lil Abela li b’din id-deċiżjoni mhux se jerġa’ jarah bħala Kandidat Laburista.

U Clayton Bartolo ħa post Julia Farrugia bħala l-Ministru tat-Turiżmu, f’konferma li anke hawn, il-Gvern ta’ Abela falla, partikolarment fis-suppost mechanisms li pprepara għas-settur turistiku.

Min-naħa tiegħu, Bartolo hu magħruf għall-appoġġ b’saħħtu li ta lil Robert Abela fil-ġlieda għal-Leadership Laburista. Għaldaqstant, Abela ħa l-okkażjoni biex isaħħaħlu l-pożizzjoni fil-Kabinett billi jelevah minn Segretarju Parlamentari għal Ministru.