Internazzjonali

L-Etjopja: Imħeġġa l-protezzjoni ta’ ċivili waqt il-kriżi ta’ Tigray

In-Nazzjonijiet Uniti ħeġġet lill-awtoritajiet tal-Etjopja biex jaċċertaw mill-protezzjoni ta’ ċivili, meta l-Armata Etjopjana qed tħejji biex tattakka l-belt kapitali tar-reġjun ribelluż ta’ Tigray lejn it-Tramuntana tal-pajjiż.

Il-Prim Ministru Etjopjan, Abiy Ahmed, ħabbar deadline ta’ 72 siegħa għall-ġellieda tar-reġjun, fost offerta biex huma ‘iċedu u jevitaw it-tixrid tad-demm’. Intant, l-Armata wissiet lin-nofs-miljun resident ta’ Mekelle li s-suldati tagħha kienu qed iħejju ‘biex jiċċirkondaw din il-belt u jattakkawha’.

L-indikazzjonijiet, madankollu, huma li l-ġellieda tal-Front għal-Liberazzjoni tal-Poplu ta’ Tigray (TPLF) li jikkontrolla lir-reġjun inkwistjoni se ikomplu jikkumbattu lill-Armata ta’ Abiy Ahmed.

Il-konflitt tal-Etjopja qed jidher li rriżulta f’mijiet ta’ mejtin u eluf ta’ refuġjati tul l-aħħar ġimgħat. Filwaqt li numru kbir ta’ ċivili kienu kostretti li jaħarbu lejn il-kampijiet għal refuġjati fis-Sudan, in-Nazzjonijiet Uniti qed twissi li l-ġlied ta’ Tigray kapaċi jwassal għal kriżi umanitarja katastrofika.

Dan waqt li Catherine Sozi, il-koordinatur tan-NU għall-azzjonijiet umanitarji fl-Etjopja, insistiet li l-awtoritajiet Etjopjani għandhom id-dmir li jiggarantixxu s-sigurtà taċ-ċivili u l-ħaddiema tal-għajnuna fiz-zoni ta’ periklu.

Fl-istess ħin, il-kelliema għall-Armata tal-Etjopja baqgħu jħeġġu lir-residenti ta’Mekelle ‘biex isalvaw lilhom infushom’ qabel l-offensiva fuq il-belt.