Lokali Parlament

L-Għassa tal-Pulizija tal-Mellieħa għandha terġa’ tinfetaħ

Robert Cutajar, PN

Id-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar appella lill-gvern biex l-Għassa tal-Pulizija tal-Mellieħa terġa’ tinfetaħ.

Fil-parlament Robert Cutajar qal li fil-Mellieħa kien hemm 1,870 rapport, fin-Naxxar daħlu 2,375 rapport u f’San Pawl il Baħar kien hemm 4,638 rapport fl-għases tal-pulizija f’sena li fi tliet xhur minnha kien hemm il-pandemija tal-COVID.

Hu sostna li fil-Mellieħa bdiet il-Pulizija tal-Komunità iżda ngħalaqet l-Għassa tal-Pulizija, li llum hi biss estenzjoni tal-Għassa tal-Qawra. Robert Cutajar appella biex l-Għassa tal-Mellieħa terġa’ tinfetaħ bl-istess mod li l-Għassa tal-Fgura – li hi fid-distrett tal-Ministru Byron Camilleri – baqgħet miftuħa minkejja li hemm il-Pulizija tal-Komunità.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li fl-aħħar ġimgħat kien hemm żieda fil-vandaliżmu fil-Mellieħa anki jekk hemm il-Pulizija tal-Komunità. Jeħtieġ li l-gvern jikkunsidra bis-sħiħ li jiftaħ l-Għassa tal-Pulizija tal-Mellieħa anki minħabba n-numru kbir ta’ turisti li jkun hemm fil-lokal u minħabba t-tkabbir naturali fil-popolazzjoni. Il-pulizija issa qed idumu madwar nofs siegħa biex jaslu l-Mellieħa mill-Qawra meta jkun hemm rapporti fil-Mellieħa.

Robert Cutajar tkellem dwar l-iskejjel primarji fil-Mellieħa, l-Qawra u San Pawl il-Baħar u qal li għandu rapporti li mhux qed ikun hemm pulizija fil-ħinijiet tad-dħul u l-ħruġ tal-istudenti. Hu qal li issa l-problema kibret għaliex l-istudenti mhux qed jidħlu fl-istess ħinijiet iżda qed jaslu fi gruppi differenti.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li jeħtieġ isiru traffic calmers quddiem l-iskola tal-Qawra biex ikunu evitati l-inċidenti. Fl-iskola tal-Mellieħa hemm annex li hu parti mill-ground tal-football fejn m’hemmx sinjali tat-traffiku fiż-żona.