Id-dikjarazzjoni li għamel id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, li Yorgen Fenech huwa ħati fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ma kinitx fi ksur tad-drittijiet ta’ Fenech.
Dan iddikkjaratu l-Maġistrat Rachel Montebello fid-deċiżjoni li tat it-Tnejn fil-Qorti, għar-rikors ippreżentat mill-avukati tal-imprenditur fil-konfront ta’ Azzopardi.
Ir-rikors kien jirreferi għal kummenti li għadda Jason Azzopardi waqt programm fuq Radju 103 nhar il-31 ta’ Ottubru li għadda, meta l-preżentatur Andres Azzopardi staqsih jekk jaħsibx li Yorgen Fenech kien ħati, b’Azzopardi jwieġeb fl-affermattiv.
Il-programm kien ixxandar ukoll fuq Facebook.
L-avukati ta’ Fenech fir-rikors tagħhom qalu li dan kien fi ksur tad-drittijiet ta’ Fenech fejn tidħol il-preżunzjoni tal-innoċenza tiegħu.
Madankollu l-Magistrat Montebello fid-deċiżjoni tagħha qalet li kliem Azzopardi ma kienu fi ksur ta’ ebda dritt għaliex dawn ma kienux kummenti ta’ Uffiċjal Pubbliku.
//= $special ?>