Lokali

Mara ssofri feriti gravi wara li ntlaqtet minn karozza, li kienet għadha kif laqtet mutur

Mara ta’ 38 sena minn Marsaskala sofriet feriti gravi wara li lbieraħ filgħaxija ntlaqtet minn vettura f’Marsaskala stess. Dan wara li l-istess vettura li laqtet il-mara kienet involuta f’żewġ inċidenti fl-istess lokalità.

Kollox beda għall-ħabta tas-7.05pm fi Triq Sant Antnin, meta karozza tat-tip Peugeot, misjuqa minn raġel ta’ 49 sena, laqtet mutur tat-tip Kymco, misjuq minn Pakistani ta’ 28 sena residenti Raħal Ġdid. Wara li tkellem maż-żagħżugħ barrani, is-sewwieq tal-karozza telaq mill-post, filwaqt li Ambulanza ssejħet mill-Pulizija biex il-Pakistani seta’ kien assistit. Fortunatament, hu kien iċċertifikat li ma sofra l-ebda feriti.

Madwar 10 minuti wara, seħħet ħabta oħra f’Marsaskala stess, din id-darba fi Triq il-Qaliet. Fil-post, il-Pulizija nnutaw diversi vetturi maħbuta, b’waħda minnhom tkun l-istess waħda li kienet involuta fl-inċident mal-mutur. Mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija rriżulta li, wara li laqat dawn il-karozzi, is-sewwieq tal-Peugeot saq b’lura u laqat lill-mara, li kienet miexja f’passaġġ.

Il-mara marret minn rajha fiċ-Ċentru tas-Saħħa għall-kura, filwaqt li aktar tard ġiet iċċertifikata li qed issofri minn feriti gravi. Min-naħa tiegħu, is-sewwieq tal-karozza qed ikun mitkellem mill-Pulizija, hekk kif aktar investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.

Ikkummenta