Ambjent Lokali

“Pajjiżna misluf lilna biex inħarsuh” – Bernard Grech f’laqgħa ma’ Din l-Art Ħelwa

Wasal iż-żmien li nifhmu li dan il-pajjiż mhux tagħna, iżda hu misluf lilna biex inħarsuh. Ma nistgħux nagħmlu li rridu u nħallu diżastru warajna.

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt laqgħa ma’ Uffiċjali ta’ Din l-Art Ħelwa, bħala parti mill-ħidma tat-12-il pilastru ta’ Viżjoni tal-Partit, li nieda ftit jiem wara l-ħatra tiegħu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ippjanar Sostenibbli Kevin Cutajar, Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista jrid jara li l-bniedem jgħix f’ambjent san. Hu għalhekk li għandna nkomplu nippriżervaw il-ġawhar li għandu l-pajjiż.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista appella għall-kunsens dwar kwistjonijiet bħall-ambjent u l-ippjanar sostenibbli. Dan filwaqt li naraw li ma jkunx hemm eżaġerazzjonijiet, li qal li m’humiex aċċettabbli.

Bernard Grech tenna li l-Partit immexxi minnu jrid jippreżenta pjan fit-tul, li jagħmel sens u li ma jkoprix biss ħames snin, iżda saħansitra 20 jew 30 sena.

Min-naħa tiegħu, il-President Eżekuttiv ta’ Din l-Art Ħelwa Alex Torpiano qal li l-organizzazzjoni għandha diversi punti ta’ tħassib dwar il-politika li qed titħaddem, partikolarment bil-kultura ta’ żvilupp mingħajr l-ebda rieda tajba.

Filwaqt li qal li hemm bżonn ta’ mekkaniżmu xieraq għal pjanar sostenibbli, hu tenna li deċiżjonijiet u policies tajba huma importanti ħafna.

Kien f’dan il-kuntest li faħħar l-impenn tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, li b’din il-laqgħa seta’ jifhem aħjar il-viżjoni tal-Partit għall-preżent u l-futur ta’ pajjiżna.