Lokali

Velja għal tifla ta’ seba’ snin li ilha 44 jum maħtufa

44 ġurnata … daqshekk ilha b’qalba imtertqa din il-familja … ma jafux x’sar minn binthom Arsema, li ġiet maħtufa minn ommha bijoloġika, hekk kif kienet fostered minn familja oħra li ilhom jieħdu ħsiebha sa minn mindu kellha biss sitt xhur.

Illum il-ġurnata, Arsema għandha seba’ snin u kien normali li l-omm bijoloġika tagħha tieħodha għal ftit sigħat darba kultant żmien.

Iżda jum minnhom, Arsema ma tteħditx lura għand il-familja li kienet trabbiha u kien hawn fejn sar rapport lid-Direttorat għall-Kura Alternattiva. Immedjatament, is-Social Workers żaru d-dar tal-omm bijoloġika, iżda sabu l-bieb imsakkar u għalhekk, dawn għamlu rapport lill-Pulizija.

Dakinhar stess, il-Pulizija infurmat lid-Direttorat li l-omm bijoloġika kienet intraċċata f’pajjiż Ewropew. Id-Direttorat tat-Tfal tkellem ma’ Uffiċjali tal-Immigrazzjoni, fejn irriżulta li t-tifla kienet ittieħdet minn pajjiżna illegalment.

Kien għalhekk li t-Tnejn filgħaxija saret velja organizzata mill-Assoċjazzjoni Malta Can, fejn talbu li tinstab it-tifla, filwaqt li indirizzaw ir-realtà inkwetanti li għandna f’pajjiżna … dik tal-ħtif tat-tfal, li aktar ma jmur aktar qed jiżdied.

Il-koppja li għal snin sħaħ ħadu ħsieb lil Arsema daqslikieku kienet binthom, qalu li huma kulma jixtiequ tweġibiet dwar x’sar mit-tifla, filwaqt li jorqdu b’rashom mistrieħa li hi sigura.

Qabel il-velja saret Quddiesa fil-Knisja ta’ San Lawrenz, fil-Birgu, qabel ma tpoġġew xemgħat minn qraba u ħbieb bit-tama li jiżdied l-għarfien dwar din ir-realtà u fl-aħħar mill-aħħar, it-tifla tinstab qawwija u sħiħa.

Ritratti: Martin Agius
Filmat: Joe Francalanza
Muntaġġ: Liam Briffa

Iktar dettalji dwar din l-istorja f’din il-link: