L-Avviżi Legali maħruġa mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika fl-ambitu ta’ Emerġenza ta’ Saħħa Pubblika, ma kisrux id-drittijiet fondamentali ta’ Yorgen Fenech.
Dan ħareġ f’sentenza mill-Qorti Kostituzzjonali li rrevokat is-sentenza oriġinali tal-Prim Awla tal-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali).
L-Ewwel Qorti kienet sabet li Yorgen Fenech, li jinsab akkużat b’kompliċita’ fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, sofra ksur ta’ drittijiet fondamentali tiegħu meta minħabba dewmien ikkawżat mill-Avviżi Legali li ordnaw l-għeluq tal-Qrati, hu kien imċaħħad mid-dritt tal-liberta’.
Din is-sentenza kienet appellata mill-Avukat tal-Istat.
Il-Qorti tal-Appell, preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul, dawwret din is-sentenza għas-segwenti raġunijiet.
L-Avviżi Legali ħallew fid-diskrezzjoni tal-Qorti d-deċiżjoni jekk għandhiex tinstema’ l-kawża u jekk tawtorizzax il-preżentati ta’ atti fir-Reġistru minkejja l-għeluq tal-Qrati. Tant hu hekk, il-Qorti Kriminali ordnat l-issoktar tal-kumpilazzjoni minkejja li l-Avviżi Legali kienu għadhom fis-seħħ u l-Qorti kienet għadha magħluqa.
Barraminhekk, fl-istess żmien, Yorgen Fenech ippreżenta numru ta’ riskorsi li permezz tagħhom hu talab għal diversi drabi l-liberta’ proviżorja u dawn kienu konsiderati u deċiżi f’qasir żmien.
Il-Qorti Kostituzzjonali kompliet li fl-isfond ta’ marda ġdida li m’hawnx vaċċin għaliha u li tinxtered faċilment, kienu jeżistu ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw il-waqfa ta’ madwar xahrejn fil-proċess ta’ kumpilazzjoni.
Għaldaqstant, il-Qorti laqgħet l-appell tal-Avukat tal-Istat u tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika billi rrevokat il-parti tas-sentenza li kienet sabet ksur tad-drittijiet fondamentali ta’ Yorgen Fenech u tikkonferma l-kumplament tal-ewwel sentenza.
//= $special ?>