Lokali

Żagħżugħa arrestata fil-post wara sejba kbira ta’ droga

Żagħżugħa ta’ 20 sena residenti l-Birgu kienet arrestata wara sejba kbira ta’ droga kokaina, crack cocaine u ħaxixa tal-kannabis lesta biex tkun traffikata. Is-sejba saret f’garaxx fil-Marsa wara operazzjoni mmexxija mill-Iskwadra tal-Pulizija ta’ Kontra d-Droga, assisita minn diversi Skwadri oħrajn tal-Korp.

L-Iskwadri ilhom għal dawn l-aħħar jiem josservaw il-post, li allegatament kien qed jintuża’ għall-bejgħ tad-droga qabel ma dalgħodu, għall-ħabta tal-10.30am, il-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit (RIU) intalbu jiċċirkondawh.

Dalgħodu, Pulizija mill-Iskwadra tal-iSpecial Intervention Unit (SIU) daħlu fil-post wara li qattgħu bieb tal-ħadid li jintuża’ bħala aċċess, bil-kumplament tal-bieb tal-garaxx kien imbarrat minn ġewwa bi knaten. Kif daħlu, il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga arrestaw liż-żagħżugħa, li allegatament kienet qed tbigħ id-droga.

F’waħda mill-kmamar, il-membri tal-Korp sabu 63 qartas tal-eroina, 110 qratas kokaina u 15-il qartas crack cocaine, kollha lesti f’kontenituri biex jinbiegħu, bil-valur fit-triq li kieku nbiegħet kien ilaħħaq l-€4,000. Instab ukoll ammont konsiderevoli ta’ flus kontanti.

Fil-post saret ukoll tfittxija mis-Sezzjoni tal-Klieb tal-Pulizija (K9), filwaqt li assistew ukoll il-Pulizija tal-Forensika. Hekk kif aktar investigazzjonijiet għadhom għaddejjin, infetħet Inkjesta mmexxija mill-Maġistrat tal-għassa Rachel Montebello, li ħatret diversi esperti biex jassistuha.