Lokali Parlament

Appell għal riformi fil-kumpilazzjonijiet biex il-każi ma jsirux darbtejn

Jason Azzopardi, PN

Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi appella biex issir riforma kruċjali u importanti fil-kumpilazzjonijiet biex il-każi quddiem il-qrati, inkluż każi ta’ omiċidji, ma jibqgħux isiru darbtejn.

Fil-parlament Jason Azzopardi qal li fis-7 ta’ Ottubru li għadda għamel proposta biex issir riforma fil-proċedura tal-kumpilazzjoni, li hi formalistika żżejjed fejn il-ġuri jsir darbtejn. Hekk kienet is-sitwazzjoni f’diversi pajjiżi bħall-Awstralja, il-Kanada u l-Olanda iżda fl-Olanda l-kumpilazzjoni ma ddumx iktar minn sitt xhur anki fejn ikun hemm każ ta’ omċidju.

F’Malta hawn din is-sitwazzjoni li ilha iktar minn 100 sena, sostna Jason Azzopardi, li spjega kif f’pajjiżi barranin qed isiru l-bidliet neċessarji biex ikun evitat id-dewmien. Fl-Ingilterra fl-2012 kien hemm numru ta’ lokalitajiet li bidlu s-sistema biex illum qed jiffrankaw madwar 60,000 kumpilazzjoni fis-sena.

F’Malta ta kuljum, ammont ta’ files u proċess jitpoġġew fuq il-karretta u mill-qorti jittieħdu fi Triq ir-Repubblika għall-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u wara 30 ġurnata jerġgħu jittieħdu l-qorti. Dan hu telf ta’ ħin esaġerat u hemm anki r-riskju li jkun hemm telfien ta’ dokumenti.

Jsaon Azzopardi appella biex isiru r-riformi għaliex wara li jinstemgħu x-xhieda kollha fil-kumpilazzjoni, dawn iridu jerġgħu jirrepetu kollox fil-ġuri. Il-vittma qed jerġa’ jgħix it-trawma darbtjen. Fil-każi tal-akkużati liberati qed issir ukoll inġustizzja aktar u aktar meta dwan ma jkunx ingħata l-ħelsien mill-arrest.

Jason Azzopardi qal li l-PN jaqbel li jsiru atti ġudizzjarji permezz ta’ mezzi elettroniċi partikolarment minħabba ż-żminijiet li għaddejja minnhom id-dinja bħalissa. Dan iħaffef ħafna ix-xogħol tal-qorti u fosthom hemm in-notifiċi u ż-żamma ta’ rekords tal-qorti. Il-PN ilu ħafna japella biex isiru dawn l-emendi għaliex fejn anki l-Kamra tal-Avukati kienet qed issostni din il-pożizzjoni.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-PN qed tistaqsi f’hix wasal l-Att dwar l-Avukati għaliex issa ilu biex jitressaq mill-aħħar leġiżlatura. Hu qal li l-gvern ilu jgħid li wasal biex jikkonkludi mal-Kamra tal-Avukati u kompla li wasal il-mument li jispeċifika x’qed iżomm dan l-att.

Fil-qorti kien intqal għaliex il-gvern tal-ex Prim Ministru Joseph Muscat ma riedx li jkun hemm l-Att dwar l-Avukati iżda issa is-sitwazzjoni inbidlet għaliex hu importanti li l-avukatura jkollha liġi li tiregolaha iktar u iktar issa meta hemm kumpaniji tal-avukati li jipprovdu diversi servizzi.