Futbol Sport

Bejn illum u għada tirritorna l-UEFA Champions League

(Ritratt: EPA)

Bejn illum u għada tirritorna l-UEFA Champions League bir-raba’ ġurnata mill-fażi tal-gruppi.

L-aktar konfront li jispikka minn din il-ġurnata jkun dak fi Grupp B bejn Inter u Real Madrid. Dawn iż-żewġ timijiet diġa ltaqgħu kontra xulxin fit-tielet ġurnata, b’Real Madrid joħroġu rebbieħa 3-2.

Inter iridu jirbħu kważi bilfors biex iżommu t-tamiet tagħhom li jikkwalifikaw għall-fażi li jmiss ħajjin. Mill-istess Grupp, Borussia Moenchengladbach jilgħabu kontra Shaktar Donetsk bil-Ġermaniżi jinsabu fl-ewwel post b’ħames punti, punt aktar mill-avversarji tagħhom fil-partita ta’ għada.

Konfront ieħor interessant mistenni jkun dak minn Grupp D bejn Liverpool u Atalanta. Fl-ewwel konfront bejn iż-żewġ timijiet, Liverpool ħarġu rebbieħa 5-0 f’Bergamo, bit-tim ta’ Jurgen Klopp jonqsu biss rebħa waħda biex jikkwalifika. Mill-istess grupp, Ajax jilgħabu kontra FC Midtjylland.

Minn Grupp H, Manchester United jilqgħu f’Old Trafford lil Istanbul Basaksehir, fejn it-Torok rebħu l-ewwel konfront bejn iż-żewġ timijiet biex b’hekk fetħu dan il-grupp beraħ. PSG se jkunu qed jilgħabu barra minn darhom kontra RB Leipzig mill-istess grupp bl-istess Leipzig jirbħu l-ewwel konfront bejn iż-żewġ timijiet.

Fi Grupp G, Juventus jilgħabu kontra Ferencvaros f’partita fejn Juventus rebħu l-ewwel konfront bejn iż-żewġ timijiet. Mill-istess grupp jilgħabu kontra Dynamo Kyiv f’partita bit-tim Spanjol jirbaħ l-ewwel konfront 2-1.

Chelsea jilgħabu barra minn darhom kontra Rennes fi Grupp E, bl-ewwel konfront bejn iż-żewġ timijiet jintemm fi draw ta’ mingħajr gowls. Sevilla jilgħabu kontra Krasnodar fil-partita l-oħra mill-istess grupp.

Minn Grupp F, Lazio jilgħabu kontra Zenit bl-ewwel partita tintemm fi draw ta’ 1-1, filwaqt li Borussia Dortmund jilgħabu kontra Club Brugge.

Manchester City jilgħabu kontra Olympiacos f’partita fejn Manchester City rebħu l-ewwel konfront 3-0. Mill-istess grupp, Marseille jilgħabu kontra FC Porto.

Minn Grupp A, Bayern Munich jilgħabu kontra Slazburg, bil-Ġermaniżi s’issa jiddominaw dan il-grupp, bil-partita l-oħra tkun bejn Atletico Madrid u Lokomotiv Moscow.

UEFA CHAMPIONS LEAGUE
Illum: Grupp E
: Krasnodar v Sevilla 6.55pm, Rennes v Chelsea 6.55pm Grupp F: B. Dortmund v Brugge 9.00pm, Lazio v Zenit 9.00pm Grupp G: D. Kyiv v Barcelona 9.00pm, Juventus v Ferencvaros 9.00pm Grupp H: Man Utd v I. Basaksehir 9.00pm, PSG v RB Leipzig 9.00pm Għada: Grupp A: A.Madrid v L. Moscow 9.00pm, B. Munich v Salzburg 9.00pm Grupp B: B. Moen’g’bach v S. Donetsk 6.55pm, Inter v R. Madrid 9.00pm Grupp Ċ: Olympiacos v Man City 6.55pm, Marseille v Porto 9.00pm Grupp D: Ajax v Midtjylland 9.00pm, Liverpool v Atalanta 9.00pm