Internazzjonali

Covid-19: Ir-Russja qed tgħid li l-vaċċin ‘Sputnik V’ hu effettiv fuq livell ta’ 95 fil-mija

Il-vaċċin Sputnik V li r-Russja qed tipproduċi għal kontra l-Covid-19 qed ikun irrappurtat effettiv fuq livell ta’ 95 fil-mija.

Dan ħareġ minn tieni analiżi proviżorja tad-data realtata mal-provi kliniċi għall-vaċċin inkwistjoni.

In-nies involuti fl-iżvilupp tal-virus – li jrid jingħata f’żewġ dożi – qalu li Sputnik V se jkun jista’ jinxtara mis-swieq internazzjonali għal anqas minn 8.40 ewro għal kull doża.

Il-vaċċin, fl-istess ħin, għandu jingħata b’xejn liċ-ċittadini tar-Russja.

Ir-rapporti mir-Russja qalu li l-vaċċin ‘Sputnik’ jinsta’ jinżamm f’temperaturi ta’ bejn tnejn u tmien gradi Celsius minflok f’temperaturi ta’ friża assoluta li huma meħtieġa għall-vaċċini l-oħrajn għal kontra l-Covid-19 li għandhom joħorġu dalwaqt fis-suq.

Il-Ministeru tas-Saħħa Russu, flimkien, maċ-ċentru (Russu) għal riċerka Gamaleya u l-Fond għall-Investiment Dirett tar-Russja ħarġu stqarrija fejn qalu li l-kalkoli dwar l-effettività tal-vaċċin inkwistjoni bbażaw fuq id-data preliminarja li nkisbet sa 42 jum wara li ngħatat l-ewwel doża lill-voluntiera li ħadu sehem fil-provi relatati.

Dan meta saru wkoll  il-provi għall-vaċċin ‘il hinn mir-Russja – f’pajjiżi bħall-Emirati Għarab, il-Veneżwela u l-Belarus.

Fi żviluppi oħra….

Is-Segretarju tas-Saħħa fir-Renju Unit, Matt Hancock, iddefenda l-proċess tat-‘test and trace’ waqt il-kampanja għat-trażżin tal-coronavirus f’pajjiżu. Hu sostna wkoll li s-Sistema għas-Saħħa Nazzjonali (NHS) ma taħtix għat-tieni lockdown li qed ikun implimentat fid-diversi bnliet Britanniċi.

Hancock kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet waqt sessjoni konġunta għall-membri tal-Kumitat tas-Saħħa u Kura Soċjali u l-membri tal-Kumitat għax-Xjenza u t-Teknoloġija.

Matt Hancock qal ukoll li r-Renju Unit ‘ikun qed jirritorna għall-ħajja normali’ wara l-festi tal-Għid li jmiss.

Intant, l-Unjoni Ewropea se tiffirma ftehim mal-kumpanija (Amerikana) Moderna biex tiggarantixxi l-provvisti tal-vaċċin tagħha għal kontra l-Covid-19.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, qalet, waqt konferenza fi Brussell, li l-ftehim ( li se jkun iffirmat fis-sigħat li jmiss ) jippermetti biex l-Unjoni tixtri sa 160 miljun doża tal-vaċċin.

Dan se jkun anki s-sitt kuntratt għal vaċċin li l-Kummissjoni Ewropea impenjat ruħha għalih waqt il-ġlieda kontra l-pandemija.

Min-naħa tagħha, von der Leyen qalet li l-vaċċin tal-Moderna ‘kapaċi jkun ferm effettiv għal kontra l-Covid-19 skont l-aħħar riżultati tal-provi kliniċi’.