Lokali

Eżekuttiv ġdid għall-SĦPN

Ivan Castillo reġa’ nħatar b’mod unanimu President tas-Solidarjeta’ Ħaddiema Partit Nazzjonista (SĦPN) waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali li nżammet nhar it-Tnejn 23 ta’ Novembru 2020. L-Eżekuttiv ta’ 15-il membru jilqa’ fi ħdanu rapreżentanza ta’ rġiel u nisa kif ukoll element żagħżugħ u numru sabiħ ta’ uċuħ ġodda.

Bħala Segretarju nħatar Neville Cassar, filwaqt li Josephine Xuereb ser tkun qed tirrapreżenta lill-SĦPN fl-Eżekuttiv tal-Partit flimkien mal-President Ivan Castillo.

Il-laqgħa, li għaliha attenda wkoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, kienet preseduta mill-President tal-Kumitat Eżekuttiv Alex Perici Calascione kif ukoll mis-Segretarju Ġenerali Francis Żammit Dimech li lkoll faħħru l-impenn tal-Eżekuttiv li kien għadu kif spiċċa u awguraw li l-Eżekuttiv il-ġdid itejjeb fuq dak li sar u jkompli jaħdem u jiltaqa’ ma’ kemm jista’ jkun ħaddiema Maltin u Għawdxin.

Il-President Ivan Castillo ippreżenta lil-Kap tal-Partit Nazzjonalista policy document imħejji mill-istess Fergħa, b’104 proposta maħsuba sabiex itejbu il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema. Proposti li ġew imsejjsa wara numru ta’ laqgħat li l-Fergħa għamlet ma’ setturi differenti ta’ Ħaddiema Maltin u Għawdxin.

L-għan aħħari tal-SĦPN jibqa’ it-titjib fil-kundizzjonijiet ta-ħaddiema.