Lokali Qorti

Ħabs fuq użu ta’ passaporti foloz

Ħames irġiel Sudaniżi u tfajla mill-Eritrea ta’ 17-il sena ntbagħtu l-ħabs wara li wieġbu ħatja ta’ akkużi relatati mal-pussess u l-użu ta’ passaporti foloz.

Wieħed mill-ħames, Ahmed Hasan, ta’ 27 sena, instab ħati wkoll li ħarab mill-kustodja tal-Pulizija. Huwa kien ammetta għall-istess akkużi f’Settembru iżda kien ħarab hekk kif kien qed jintbagħat lura mill-Qorti.

L-irġiel l-oħra, Idris Yahyah, 29, Abdulkader Muhammad Mustafa 18, Hachim Mohammed, 21 u Ibrahim Daham Isaac ta’ 18, li kollha huma qiegħda u li jgħixu fiċ-ċentru miftuħ ta’ Hal Far ukoll wieġbu ħatja li bagħbsu l-passaporti, kellhom pussess u għamlu użu xjentement ta’ dokumenti ffalsifikati.

It-tfajla ta’ 17-il sena mill-Eritrea, li kienet tgħix f’xelter ukoll wieġbet ħatja tal-akkużi. Mis-seduta ma ħarġet l-ebda informazzjoni dwar kif l-akkużati ġew arrestati.

L-Ispettur Karl Roberts, talab sentenza ta’ priġunerija effettiva għall-akkużati kollha, inkluż il-minuri, li qal li qed jaħrab regolarment mix-xelter fejn kienet qed tiġi kkurata.

L-Avukat tal-għajnuna legali Josette Sultana qalet lill-Maġistrat Astrid May Grima li l-akkużati kienu “jinsabu bit-tama falza” li jitilqu minn Malta, u żied li l-persuna li biegħtilhom il-passaporti kienet diġà l-ħabs.

Waqt li argumenta li l-akkużati ma kinux kriminali ta’ ċertu portata, l-avukat talbet piena minima. Hija qalet li l-minuri kellha tingħata attenzjoni partikolari.

Fuq l-ammissjoni tagħhom stess, il-Qorti sabet lill-akkużati kollha ħatja. Ahmed Hasan ġie kkundannat 18-il xahar ħabs, bil-bqija tal-irġiel ikkundannati sena ħabs. It-tfajla ntbagħtet il-ħabs għal 6 xhur.