Haley Bugeja ta’ US Sassuolo Calcio Femminile kif ukoll plejer tat-tim nazzjonali Malti tal-futbol rebħet l-unur tal-Atlas Żagħżugħa tax-Xahar ta’ Ottubru 2020. Bugeja għandna biss 16-il sena u diġa stabillixxiet ruħha bħala waħda mill-aqwa plejers barranin fis-Serie A.
Hi ddebuttat ma’ Sassuolo fil-5 ta’ Settembru kontra Napoli, fejn id-doppjetta tagħha rebħet lit-tim bl-iskor ta’ 3-1. Fir-rebħa ta’ 3-1 kontra Fiorentina, hi poġġiet isimha mal-lista tal-iskorers għal darb’oħra. L-aħħar partita li skorjat fiha kienet ġimgħa ilu kontra Hellas Verona b’gowl wieħed fir-rebħa ta’ 4-1.
Buġeja ssejħet mat-tim nazzjonali tan-nisa mmexxi mill-kowċ Mark Gatt għal-logħob mill-UEFA Women’s EURO Qualifiers kontra l-Ġorġja fis-26 ta’ Novembru u l-Iżrael fil-1 ta’ Diċembru.
Dan it-trofew se jingħata lil Bugeja fil-jiem li ġejjin hekk kif Bugeja mistennija tivjaġġja lejn Malta ġurnata qabel ma’ taqbad it-titjira mal-iskwadra tat-tim Nazzjonali Malti lejn il-Ġorġja.
Dan kien l-għaxar unur li ngħata lill-atleta żagħżugħ lokali f’din l-inizjattiva bejn Atlas Insurance u l-Għaqda Ġurnalisti Sports. Kull xahar, huma jistiednu lill-atleti ta’ taħt il-21 sena flimkien mal-assoċjazzjonijiet u l-federazzjonijiet tagħhom sabiex idaħħlu nominazzjoni għal dan l-unur.
L-aħħar rebbieħa ta’ dan l-unur kienu dawn; Kayden Lagana (Tenpin Bowling) Settembru 2020, Sacha Gatt (Għawm) Awwissu 2020, Richard Shulthies (Ibburdjar) Lulju 2020, Matthew Magro (Tenpin Bowling) Ġunju 2020, Thomas Borg (Għawm Paralimpiku) Mejju 2020, Jake Vella (Għawm) April 2020, Tenishia Thornton (Weightlifting) Marzu 2020, Dejan Grech (Pool) Frar 2020, Rachela Pace (Atletika) Jannar 2020.
//= $special ?>