Lokali

Il-funeral ta’ Oliver Friggieri se jsir għada

Il-funeral mill-Istat tal-Professur Oliver Friggieri se jsir għada l-Erbgħa fis-14:00. Fi stqarrija l-Gvern qal li aktar dettalji dwar il-programm se jingħataw fis-sigħat li ġejjin.

Oliver Friggieri ħalli din id-dinja s-Sibt li għadda fl-età ta’ 73 sena.

Friggieri kien kittieb prolifiku u kritiku letterarju Malti magħruf madwar id-dinja. Fl-1999 hu ingħata Ġieħ ir-Repubblika bħala rikonoxximent għax-xogħolijiet tiegħu.

Oliver Friggieri kien qrib ħafna tal-gazzetti tal-Partit Nazzjonalista, u kien strumentali għat-twaqqif kemm ta’ In-Nazzjon u kemm ta’ Il-Mument.

Hu kien kontributur ta’ In-Nazzjon mill-ewwel ħarġa tagħha fl-1 ta’ Lulju tal-1970 u baqa’ jikkontribwixxi fiha għal kważi 50 sena sħaħ.

Diversi kotba ta’ Friggieri ġew maqluba għal ħafna lingwi fosthom l-Ingliż, it-Taljan, il-Maċedonu, is-Sloven, is-Serbo-Kroat, il-Grieg, ir-Romen, l-Għarbi, il-Bengali, l-Urdu u r-Russu.

Fost il-kotba magħrufa ta’ Friggieri hemm ‘It-tfal jiġu bil-vapuri’ u ‘Fil-Parlament ma jikbrux fjuri’.

Apparti kittieb u poeta, Friggieri kien ukoll għalliem tal-Malti u tal-Filosofija u kien lettur fl-Università ta’ Malta. Hu laħaq Professur fl-1990.