Lokali Parlament

Il-ħaddiema kollha għandu jkollhom kuntratt tax-xogħol bil-miktub

Clyde Puli, PN

Id-deputat Nazzjonalista Clyde Puli enfażizza l-importanza li kull ħaddiem Malti jkollu kuntratt tax-xogħol miktub u li fih ikunu stipulati l-kundizzjonijiet tax-xogħol tiegħu.

Fil-parlament Clyde Puli sellem lill-Professur Oliver Friggieri u qal li Friggieri se jibqa’ mfakkar għall-kontribut li ta fl-edukazzjoni, bħala poeta u kritiku magħruf internazzjonalment.

Hu kien għalliem li jieħu l-professjoni tiegħu b’imħabba kbira lejn l-istudenti tiegħu u kien ir-ruħ tan-nazzjon Malti permezz ta’ kitbietu. Kitbietu kienu kemm punġenti kif ukoll ħelwin biżejjed biex iġgħelna nirriflettu, sostna Clyde Puli.

Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar il-liġi dwar l-impjiegi u r-relazzjonijiet industrijali u dwar is-smiegħ ta’ każi mit-tribunal industrijali f’każi ta’ impjiegi fi żmien fiss. Din il-liġi se tindirizza l-qagħda prekarja ta’ numru ta’ ħaddiema li qed isofru minn inġustizzja u għalhekk hi liġi li tagħti dinjità lill-ħaddiema.

Clyde Puli kompla li kull ħaddiem għandu jkollu kuntratt tax-xogħol miktub għaliex għadu possibbli li ma jkunx hemm kuntratt tax-xogħol miktub; din s-sitwazzjoni hi waħda ta’ periklu. Din tkun arma oħra ta’ protezzjoni f’idejn il-ħaddiema biex dawn ikollhom iktar assikurazzjonijiet.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema għandhom ikunu definiti u stabbiliti għaliex ħafna ħaddiema lanqas għadhom jafu x’inhuma l-kundizzjonijiet tagħhom. Dan hu wkoll proċess edukattiv; il-gvern għandu jkun ta’ eżempju.

Hu tkellem dwar il-ħaddiema tal-kuntrattur u staqsa kemm minn dawn il-ħaddiema għandhom il-kuntratti tax-xogħol stabbiliti u kemm minnhom jafu l-kundizzjonijiet tagħhom. In-nuqqas tal-kuntratt lill-ħaddiema ikun qed jikkontribwixxi għal forma oħra ta’ prekarjat.

Clyde Puli qal li t-tbatija tal-ħaddiema li ma jafux il-kundizzjonijiet tagħhom qed ikollhom ukoll effetti negattivi fuq il-ħaddiema regolati. Hu appella lill-gvern biex jaħdem iktar għal użu ikbar tat-telework fil-pajjiż mhux biss f’dan il-perjodu tal-COVID iżda anki għal wara li tkun għaddiet il-pandemija għaliex id-dinja tax-xogħol qed tinbidel kontinwament.

Il-ħaddiema għandhom jaħdmu biex jgħixu u mhux jgħixu biex jaħdmu, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li l-gvern għandu jressaq liġijiet f’dan is-sens billi jitbagħtu messaġġi inkoraġġanti lis-settur privat.

Clyde Puli kompla li hemm ħafna uffiċini li jistgħu jaħdmu bit-telework u kkritika l-fatt li Jobsplus xtrat il-laptops għall-impjegati kollha iżda qed ittiehom darba fil-ġimgħa biss biex jintużaw. Dwar il-ħaddiema post CIVID hu qal li se jkun hemm effetti irriversibbli fejn se jkun hemm bidliet dejjiema għal ċertu xogħlijiet.

Għalhekk it-taħriġ tal-ħaddiema qed jingħata l-ġenb għaliex qed issir komda li fejn ma jinstabux ħaddiema, min iħaddem idur fuq il-gvern biex iġib il-ħaddiema barranin. Dan il-gvern qed juri iktar disponibbiltà li jinġiebu ħaddiema barranin. L-importazzjoni tal-ħaddiema barranin m’għandhiex tkun b’detriment għall-ħaddiema Maltin.

Il-pajjiż jagħmel investiment qawwi fl-edukazzjoni iżda dan mhux relatat mas-suċċess u r-riżultati għadhom mhux jidhru, sostna Clye Puli, li kompla li dan kollu għandu jsir flimkien mal-imsieħba soċjali biex tinħoloq dinja ta’ xogħol li tagħti sodisfazzjon u pagi ta’ xogħol diċenti lill-ħaddiema.