Internazzjonali

Il-qtil ta’ Jamal Khashoggi: Ikompli l-ġuri tal-20 Sawdi fit-Turkija

Jamal Khashoggi

Il-proċess tal-qorti għall-20 uffiċjal tal-Arabja Sawdija li huma akkużati bl-omiċidju tal-ġurnalista Sawdi, Jamal Khashoggi, qed ikompli fit-Turkija.

Khashoggi – kritiku prominenti tal-Prinċep Sawdi Mohammed bin Salman – kien spiċċa maqtul, fl-2018, fil-konsulat tas-Sawdi fil-belt Torka ta’ Istanbul. Intant, l-imputati Sawdi inkwistjoni qed ikunu proċessati fl-assenza tagħhom dwar l-omiċidju li xokkja lid-dinja.

Il-qtil tal-ġurnalista, allegatament, twettaq minn skwadra ta’ aġenti Sawdi – bl-uffiċjali tat-Turkija qegħdin jgħidu li Jamal Khashoggi spiċċa ‘attakkat u fgat’ – u bl-aggressuri tiegħu, imbagħad, ibiċċru l-katavru bil-għan li jiddisponu minnu b’mod aktar faċli.

Fost l-imputati li qed ikunu proċessati hemm żewġ eks-kollaboraturi ewlenin tal-Prinċep Salman – li min-naħa tiegħu ċaħad kwalunkwe sehem fl-omiċidju.

Intant, Ayman Noor, dissidenti politiku Eġizzjan li kien ħabib kbir ta’ Khashoggi, qal lill-qorti li l-ġurnalista kien ħassu mhedded minn persuni qrib tal-Prinċep Salman. Noor qal ukoll li Khashoggi kien infurmah b’każ fejn hu spiċċa ‘mhedded personalment’ minn Saud al-Qahtani, li hu sinjurun tal-media fl-Arabja Sawdija.

L-Arabja Sawdija, sadanittant, ċaħdet it-talba tat-Turkija għall-estradizzjoni tal-imputati f’dan il-każ.

Dan waqt li tmien persuni, is-sena l-oħra, spiċċaw ikkundannati fl-Arabja Sawdija b’konnessjoni mal-qtil tal-ġurnalista. Ħamsa mill-ikkundannati kienu sentenzjati għall-mewt talli parteċipaw direttament fil-qtil, waqt li tliet oħra weħlu l-ħabs għal għomorhom ‘talli pruvaw jaħbu d-delitt faħxi’.